Ġużè Ellul Mercer mingħajr dubju huwa wieħed mill-awturi l-aktar maħbuba u mfittxija fix-xena kontemporanja Maltija. Sabiex il-Ktieb tiegħu ‘taħt in-Nar’ ikun jista jasal għand firxa usa ta’ qarrejja, Carlo Morrone se jippubblika it-traduzzjoni Taljana tiegħu.
Bl-isem Sotto il Fuoco , it-traduzzjoni hija xogħol ta’ tifla tal-istess awtur Isabella Ellul Mercer Cefai. Il-ktieb jinkludi l-istejjer kollha tal-verżjoni oriġinali.
L-istejjer miktubin bl-istil tipiku tal-pinna ta’ Ellul Mercer, jirrakuntaw id-djarju personali ta’ Ellul Mercer u ta’dak li għadda minnu hu u l-gżejjer Maltin fl-ewwel sena tal-gwerra.
ONE NEWS tkellem ma’ iben dan l-awtur Martin Ellul Mercer.
Huwa stqarr li “Kont sorpriż, għaliex aħna, Leli ta’Ħal Żghir, il-ktieb l-ieħor ta’ Ġuże Ellul Mercer huwa magħruf, għalkemm Taħt in-Nar huwa magħruf mhuwiex daqshekk popolari daqs Leli ta’ Ħal Żgħir”.
Martin Ellul Mercer stqarr ma’ dan l-istazzjon li permezz ta’din it-traduzzjoni bit-Taljan issa nistgħu nifhmu iktar ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja, pajjiż li ġie mistmerr minn bosta waqt il-gwerra iżda għal uħud l-Italja baqgħet dik l-art viċina u ħabiba ta’ art twelidu.
F’Taħt in-Nar, insibu l-bijografija ta’ Ġuże Ellul Mercer innifsu fl-ewwel sena tat-Tieni Gwerra Dinjija, fejn jidħol f’dettall u nsibu kuxjenza soċjali fuq kif kienu jgħixu in-nies ta’dak iż-żmien.
Iben Ellul Mercer tenna li “Jagħti stampa ta’ kif in-nies kienu jgħixu f’dak iż-żmien. Tinsiex li Ġużè Ellul Mercer ma kienx biss awtur iżda wkoll politiku, għall-Partit Laburista u hu ma ngħidx iffisat, imma kienet il-passjoni tiegħu li bil-kitba tiegħu dan jista’ jgħin lin-nies biex joħorġu mil-faqar soċjali li kienu jgħixu fih”.
Marin Ellul Mercer spiċċa din it-taħdita interessanti b’suġġeriment li dan il-ktieb tradott jista’ jkun għodda utli għat-Taljani biex jibdew jgħidu kelma ‘l hawn u ‘l hemm bil-Malti.