“Qaluli biex inkun preparata għax it-tifel mhux għal magħna” – dawn kienu kliem it-tobba fuq Jacob meta ħames snin u nofs ilu kien f’xifer il-mewt. Din kienet il-motivazzjoni għal ommu Sara sabiex tikteb ktieb fuq l-istorja ta’ binha li minkejja d-diversi ostakli rnexxielu jgħix.
Ma’ One News Sarah spjegat li l-ktieb ta’ Jacob wasal ukoll għand ir-Reġina f’Buckingham Palace. Dan sar wara li aktar kmieni din is-sena Sarah rċeviet ċertifikat ieħor mingħand ir-reġina magħruf bħala ‘Points of Lights’ u fil-jum tal-premjazzjoni bl-innoċenza tiegħu Jacob staqsa lill-kummisarju għoli Ingliz sabiex jgħaddi kopja tal-ktieb tiegħu lir-reġina. Wara li l-istorja intesiet hekk kif qatt ma bassru li din setgħet tiġi realtà, waslitilhom ittra mingħand l-Assistent Segretarju Privat tar-Reġina Eliżabetta fejn spjega li ntalab biex jirringrazzjahom tal-kopja tal-ktieb ta’ Jacob “Jacob: My Titanium Man”.
ilbieraħ ftaħt il-posta bħas-soltu u fil-qalb tal-posta kien hemm envelope mhux tas-soltu u kien hemm it-timbru tar-reġina fuqu. għidt hawn x’inhi din … xi invit? ftaħtha u ħadt pjaċir ħafna għax kien hemm ittra miktuba mill-private secretary tagħha biex jirringrazzja lilna tal-ktieb ta’ Jacob u biex tgħidli prosit għax-xogħol li qed nagħmlu f’Jacobs Brew
Sarah kompliet tispjega kif il-ktieb jittratta t-tbatijiet kollha li għaddew minnhom bħala familja waqt li Jacob kien qed jissilet għal ħajtu kif ukoll li minkejja d-diversi kumplikazzjonijiet xorta irnexxielu jegħleb l-isfidi li kellu quddiemu u ħeġġeġ lil ommu biex taqsam din l-istorja ta’ kurraġġ ma’ nies oħra.
It-tifel kien marid ħames snin u nofs ilu u kien gravi ħafna, fil-periklu tal-mewt u jien imbgħad qaluli biex inkun preparata li t-tifel mhux għal magħna. Kien jgħidli mummy, write my story. Write a book and tell my story.
Tkellimna wkoll ma’ Jacob li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-ktieb tiegħu wasal għand ir-reġina hekk kif ma setax jemmen dan kollu wara li rċieva l-ittra d-dar.
Vera ferħan li rċiviet il-ktieb all the way from Malta. Nispera li tkun tista’ tagħti l-ktieb ma’ nies li taħseb li għandhom bżonn fl-ingilterra. Le … vera kienet surprise għalija li irċivietu l-ktieb.
Intant, s’issa inbigħu aktar minn għaxar t’elef ktieb u l-qligħ tal-kotba mixtrija mill-ħanut tal-kafe tagħhom imorru kollu għall-kawżi l-oħra li qed jaħdmu fuqhom.