Il-kumpanija Crane Currency ġibdet klijent ieħor lejn pajjiżna. Fil-fatt, ġie rrapurtat li wara kważi 277 sena l-istampar tal-Krona Żvediża mhux se jsir iżjed fl-Iżvezja, imma f’Malta.
Sa tmiem din is-sena, il-kumpanija Crane Currency ser taqleb l-operat tagħha ta’ stampar tal-Krona Żvediża mill-Iżvezja, għal Malta.
Żvelat dan il-gazzetta MaltaToday, li nnutat kif fl-elfejn u tnejn Crane Currency kisbet l-operat ta’ stampar tal-krona żvediża mingħand Bank Żvediż, f’Tumba fl-Iżvezja, minn fejn il-krona Żvediża kienet ilha tiġi stampata mill-elf seba’ mija u ħamsin.
Però issa, kienet kwotata tgħid il-President tal-Kumpanija Annemarie Watson, is-suq kompettitiv u kwistjonijiet ta’ infrastruttura wasslu sabiex il-kumpanija taqleb l-operat tagħhha.
Maż-żmien it-teknoloġija tal-karti tal-kreditu naqqset l-importanza tal-flus stampati, hekk kif illum it-tranżazzjonijiet bil-muniti niżlet għal tnejn fil-mija tat-tranżazzjonijiet kollha fl-Iżvezja.
Minkejja dan, kelliem mill-bank Żvediż, esprima d-diżappunt tiegħu għal din iċ-ċaqliqa hekk kif l-istampar tal-Krona kienet imdaħħla sew fil-kultura ta’ dan ir-reġjun.
B’investiment ta’ mitt miljun ewro, fi żmien sena, Crane Currency bniet l-impjant tagħha f’pajjiżna, u fi Frar li għadda infetħet uffiċjalment, fejn bdiet tħaddem mat-tliet mitt impjegat, u għandha pjanijiet ta’ espansjoni.