Fil-Khalifa International Stadium, iltaqgħu l-Kroazja u l-Marokk għall-finali tat-tielet u r-raba’ post. Il-Kroati meritatament spiċċaw it-tielet, meta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
Botta u risposta fil-bidu ta’ dan il-konfront, hekk kif il-Kroati marru fil-vantaġġ fis-seba’ minuta, permezz ta’ Josko Gvardiol, li kellu prestazzjoni mill-aqwa tul din il-kompetizzjoni. Żewġ minuti biss wara Achraf Dari b’daqqa ta’ ras fil-kaxxa ż-żgħira, għamel l-iskor indaqs.
Fit-42 minuta, Mislav Orsic reġa’ poġġa lill-Kroati fil-vantaġġ, bi ġmiel ta’ xutt imdawwar minn barra l-kaxxa.
Fit-tieni taqsima, il-logħba baqgħet ferm bilanċjata u f’xi waqtiet nervuża, b’mod speċjali minn-naħa tal-Marokkini.
Youssef En-Nesyri kellu l-aħħar u l-eqreb ċans li jġib l-iskor indaqs meta b’daqqa ta’ ras il-ballun spiċċa fuq is-saqaf tax-xibka.
Għada fl-16:00, fil-Lusail Stadium, ikollna l-finali ferm mistennija bejn Franza u l-Arġentina.
Ritratt: Getty Images