Il-fenomenu tal-migrazzjoni irid jiġi indirizzat b’mod kollettiv, bi qsim tar-responsabilitajiet bejn l-Istati Membri Ewropej. B’mod dinjituż, li jirrispetta d-drittijiet fundamenali tal-bniedem. Dan kien l-appell tal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-aħħar indirizz tagħha lill-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji akkreditati għal Malta fl-okkażjoni tal-bdil tradizzjonali tal-awguri għas-sena l-ġdida li sar fil-Palazz il-Belt.
Fid-dawl tal-kriżi riċenti li involviet ħajjet 49 persuna fosthom sitt itfal li kienu abbord żewġ vapuri tal-għaqdiet mhux governattivi, il-President irrikonoxxiet l-intervent tal-Gvern Malti li salva ħajjet dawn in-nies. Hija raddet ħajr lill-Kummissjoni Ewropea għall-isforzi tagħha sabiex ġabet flimkien tmien stati membri oħra li ser ikunu Involuti fir-rilokazzjoni ta’ dawn l-immigranti.
Il-President appellat lil dawk kollha preżenti sabiex iħaddnu l-prinċipji tas-solidarjetà u r-rieda tajba. Irreferiet ukoll għall-paċi fid-dinja fejn qalet li jeħtieġ li jkun aċċertat li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanzi u l-inġustizzji. Dan jista’ jseħħ biss permezz ta’ turija ta’ solidarjetà soċjali.
Waqt il-bdil tal-awguri għas-sena l-ġdida, in-Nunsju Appostoliku u Dekan tal-Korpi Diplomatiċi Alessandro D’Errico semma kif kwalunkwe sena ġdida iġġib magħha tama ġdida. Tama li twassal sabiex tkun appoġġjata d-dinjita’ ta’ kull persuna- mingħajr ebda distinzjoni.
Fl-istess waqt, din it-tama ssarraf biex wieħed jgħix ħajja umana b’relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-popli u l-kulturi.