Proprju fil-jum li fih beda l-proċess tal-votazzjoni għall-konferma ta’ Bernard Grech bħala Kap Nazzjonalista, bosta attivisti komplew jesponu l-ġlied kbir li qed jiddomina bħalissa fil-Partit Nazzjonalista.
Il-kunflitti qliel fil-Partit Nazzjonalista komplew ħarġu fid-dieher fid-dawl tal-manuvri tal-klikka tal-Kap innifsu biex jibqa’ jokkupa s-siġġu ta’ Kap.
L-aħħar manuvra li qanqlet ġlied kbir kienet dik tal-introduzzjoni tal-metodu tal-vot bi prokura għall-Kunsillieri Nazzjonalista li jinsabu msefrin; metodu li introduċiet il-klikka ta’ Bernard Grech hekk kif – sont sorsi fil-Partit Nazzjonalista nnifsu – it-tmexxija attwali nħakmet minn paniku kbir hekk kif qed toqrob din il-konferma tal-Kap.
Fost dawk li tkellmu kontra din il-manuvra kien hemm il-Kunsillier indipendenti ta’ Ħal Balzan, André Grech, li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista f’Jannar li għadda.
Grech, lli hu meqjus bħala wieħed mill-aktar nies qrib l-eks Kap Adrian Delia, fuq il-profil tiegħu fuq Facebook fakkar f’meta l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil – li kienet wara Bernard Grech – kienet għamlet plejtu fuq il-ġbir tal-voti bi prokura mill-eks Assistent Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Jean Pierre Debono.
Fuq Facebook, André Grech sostna – “Kemm jinbidlu ż-żminijiet!!”, hekk kif insinwa li l-istess nies li kienu ħolqu plejtu fuq il-prokura dak iż-żmien illum mhux talli qed mhux qed jadottaw dan il-metodu għall-ġbir tal-voti iżda, minn fuq, qed jadottawh għall-votazzjoni nnifisha.
Taħt l-istess post ta’ Grech ikkumenta l-eks kandidat u eks kunsillier Nazzjonalista fl-Imsida, Alan Abela Wadge. Huwa sostna li dan il-metodu li attwat il-klikka tal-Kap huwa moralment ħażin għax qatt ma tista’ tkun ċert kif dak fdat bil-vot minflok il-Kunsillier se jivvota.
Lilliana Risiott Copperstone, eks ġurnalista mal-midja tal-Partit Nazzjonalista u eks attivista, fuq Facebook ukoll iddeskriviet din il-konferma li jmiss bħala waħda li se tinkludi l-futtamenti.
Tenniet kif fil-bidu tal-ġimgħa ċemplulha mid-Dar Ċentrali għax ma kelliex it-tessera mħallsa sabiex tħallasha u tkun tista’ tivvota għall-konferma tal-Kap; telefonata li tkompli tindika l-paniku mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex joħorġu lill-Kunsilliera jivvutaw. Sostniet ukoll li, fl-ewwel jum tal-vot, il-Ġimgħa filgħodu reġgħu ċemplu mid-Dar Ċentrali biex jiltaqa’ magħha l-Kap Bernard Grech sabiex tivvota.
Quddiem dan kollu sostniet hekk: “Aktar nivvomta milli nivvota b’dawn il-manuvri. Imisshom jistħu.”
Intant, ma’ ONE News għamel kuntatt ukoll l-eks Kandidat Nazzjonalista Herman Farrugia.
Farrugia, li kien ilu jimmilità fil-Partit Nazzjonalista sa mill-1972, sostna ma’ dan l-istazzjoni li “taħt id-diktat manipulattiv tal-Onorevoli Kap tal-Partit sedenti u t-Tim intern magħżul minnu, il-Vot tal-Kunsilliera Nazzjonalisti mhux ser ikun riflessjoni ta’ intenzjoni ġenwina u sigrieta kif ikkontemplat mhux biss fit-terminoloġija iżda saħansitra fl-ispirtu etiku-morali li jeżiġi l-istess Statut tal-Partit Nazzjonalista ġdid fjamant u li kif għadu kif ġie riformat u approvat unanimament fil-Kunsill Ġenerali ta’ Mejju 2020.”
Ma’ dan l-istazzjon, Farrugia żvela wkoll li għandu rapporti ta’ min jorbot fuqhom li numru sew ta’ Kunsilliera li vvutaw fil-votazzjoni bikrija, ħadu ritratti tal-vot tagħhom sabiex jużawhom għal skopijiet ulterjuri mat-tmexxija attwali ta’ Bernard Grech.
Farrugia sostna wkoll li, tul medda ta’ ħames deċennji sħaħ, qatt ma jiftakar vot statutorju intern żnaturat bħal dan li qed iseħħ f’din it-tmiem il-ġimgħa.
“Dan għax il-vot huwa manifestement immanipulat għall-aħħar u, f’ċerti aspetti, saħansitra frott ta’ pressjoni intimidattiva, assidwa, u persistenti mwettqa b’kuntatt personali fuq il-membri Kunsilliera,” temm jgħid Farrugia.