L-Oppożizzjoni qed tipprova tqarraq meta tgħid li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi m’għandiex dritt tappella minn deċiżjonijiet tal-ippjanar b’impatt ambjentali.
B’mod żbaljat, l-istess Oppożizzjoni qed tuża r-rappreżentazzjonijiet legali tal-Awtorità tal-Ippjanar, mogħtija mill-avukati tagħha fuq dan il-każ speċifiku, daqs li kieku ttieħdet xi deċiżjoni finali jew xi prassi li torbot kull każ ieħor.
Il-Ministeru għall-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent u t-tibdil fil-klima spjega li dan assolutament mhuwiex minnu u għalhekk il-kritika li qed isir mill-Oppożizzjoni hija skoretta.
Għal kuntrarju, issa ser ikun it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li jieħu d-deċiżjoni fuq ir-rappreżentazzjonijiet kollha li għandha quddiemha u, jekk xi waħda mill-partijiet tħoss li għandha tappella minn din id-deċiżjoni, tista’ wkoll tmur quddiem il-Qorti tal-Appell.
Il-Ministeru fisser kif l-Oppożizzjoni għadha mhux qed tifhem li dan kollu qed isir għall-ewwel darba wara li kien dan il-Gvern li żamm mal-wegħda elettorali tiegħu li jaqsam l-ambjent mill-ippjanar, bl-għan li l-Awtorità tal-Ambjent jkollha vuċi b’saħħitha tant li għandha dritt li tappella minn deċiżjonijiet tal-ippjanar.