Fis-sena 2020, il-kriminalità f’pajjiżna naqset għar-raba’ sena konsekuttiva.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ f’Santa Luċija, li matulha ġie spjegat ir-rapport annwali dwar il-kriminalità f’Malta, li sar mill-Kriminologu l-Professur Saviour Formosa.
Meta mqabbel mal-2019, kien hemm nuqqas ta’ 16% fil-kriminalità fl-2020. Ħareġ ukoll li kien hemm tnaqqis ta’ 24% fil-kriminalità f’pajjiżna mill-2016 ‘l hawn.
Matul is-sena li għaddiet, għal kull elf persuna kien hemm 25 reat. Dan jikkuntrastra sew ma’ dak li kien fl-2015, fejn kien hemm 42 reat għal kull elf persuna.
Tul l-2020, il-pulizija rċievet ftit iżjed minn tlettax-il elf rapport, li meta mqabbla mal-2019 kien hemm tnaqqis ta’ elfejn u ħames mitt rapport.
Fl-2020 naqas ukoll s-serq, l-iffalsifikar ta’ dokumenti, ħsarat, feriti fuq persuni, offiżi sesswali, vjolenza kontra uffiċjali pubbliċi, ħruq ta’ karozzi u frodi.
Meta mqabbel mal-2019, kien hemm żieda ta’reati marbuta mal-immigrazzjoni, prostituzzjoni, ħasil ta’ flus, użu ħażin tal-kompjuter, droga u vjolenza domestika.
Il-Professur Formosa qal li f’żoni pubbliċi li qabel kienu dominati minn reati qed isiru aktar siguri.
Huwa spjega: “Huwa t-tibdil li ġie on and go basis, jiġifieri l-Community Policing, it-transformation strategy li għamilna s-sena l-oħra li varjana tibdil fil-liġijiet tat-2017. Jiġifieri dan kollu f’daqqa jibda jurik li l-impetus lejn tnaqqis rather li joqgħod nieżel u tiela’, nistabilixxu t-trend u l-istabilizzar tan-numru ħalli l-pulizija jkunu prepared għal dak li se jiġri fil-futur.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li dan it-tnaqqis drastiku fil-kriminalità ġara minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, iżda saħaq li sena wara oħra qed ikun hemm tnaqqis fil-kriminalità f’pajjiżna.
Huwa qal, “Fi tliet snin preċidenti tas-sena l-oħra, fejn kellek il-pajjiż Malti li kellu l-akbar ekonomic growth fl-Unjoni Ewropea, ukoll irnexxielna nnaqsu l-kriminalità. U dan imur kontra kull analiżi akkademika, li inti meta qed jiżdiedu l-opportunitajiet suppost tiżdied il-kriminalità. Allura filwaqt li s-sena l-oħra kellek din il-pandemija, il-Korp ma straħx fuq il-pandemija żied il-preżenza tiegħu fit-toroq, żied ukoll ir-roadchecks tajjeb, li dan kollu allura għen biex inkomplu nnaqsu l-kriminalità.”
Gafà qal ukoll li nħoloq dipartiment apposta biex jiġu investigati każijiet ta’ vjolenza domestika, biex vittmi jħossuhom aktar komdi jersqu ‘l quddiem lejn il-korp.
Il-Ministru Byron Camilleri qal kif fil-bidu tal-pandemija, l-esperti f’dan il-qasam bdew jaraw li tiżdied il-kriminalità f’Malta, u għalhekk, dan ir-riżultat huwa parti mill-invesitment li qed jagħmel il-Gvern fil-qasam.
Huwa sostna: “Il-Gvern investa ħafna, matul din is-sena li ġejja se jkompli jinvesti iktar. Investiment li qed jagħmel dan il-Gvern illum ikkumparat ma’ dak li kien jagħmel Gvern Nazzjonalista fl-2012, huwa ta’ sitt darbiet aktar u allura dawn ir-riżultati mhumiex kumbinazzjoni, dawn ir-riżultati qegħdin hemmhekk għaliex hemm Gvern li qed jinvesti qatiegħ fil-korpi dixxiplinati tagħna.”