Kif kien irrapportat bi prominenza mill-midja internazzjonali, matul il-jum tat-Tnejn uffiċjali Amerikani kellhom taħditiet ma’ uffiċjali Russi f’tentattiv sabiex jinstab qbil dwar il-proposta ta’ waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna. In-negozjaturi rrappurtaw li kienet qed tiġi esplorata l-possibiltà ta’ waqfien mill-ġlied parzjali fil-Baħar l-Iswed.
Il-ġurnata ta’ qabel diskussjonijiet simili kienu saru ma’ uffiċjali Ukreni fejn, skont iż-żewġ partijiet dawn kienu pożittivi u fid-direzzjoni mixtieqa.
Dawn id-diskussjonijiet saru fil-belt kapitali tal-Arabja Sawdija Riyadh.
Filwaqt li t-Tlieta filgħodu l-midja kienet infurmata li se jkun hemm stqarrija uffiċjali dwar l-eżitu ta’ dawn it-taħditiet, kelliem għall-Kremlin qal li kemm ir-Russja kif ukoll l-Istati Uniti kienu għadhom qed janalizzaw dak li intqal fid-diskussjonijiet u għalhekk ma kien se jiġi ppublikat xejn.
Waqt konferenza li issir kuljum mal-ġurnalisti Russi u internazzjonali, il-kelliem tal-Kremlin Dmitry Peskov qal li dawn kienu taħditiet tekniċi li żgur ma kienux se jiġu ppublikati. Huwa wkoll qal li ma kienx hemm pjanijiet ta’ telefonata oħra bejn Donald Drump u Vladimir Putin.
Sadanittant, skont rapporti, id-delegazzjoni Ukrena qed terġa tiltaqa’ man-negozjaturi Amerikani f’Riyadh.