Ftit tal-jiem ilu l-Gvern ħabbar l-estensjoni taċ-Cimiterju ‘tal-Addolorata’ b’iktar minn 2,500 qabar ġdid. Tajjeb li jkollna fejn nindifnu wara mewtna, iżda ma naħsibx li huwa vijabbli li nibqgħu bis-sistema tradizzjonali ta’ kif nidfnu lill-għeżież tagħna f’dan il-pajjiż. Wisq aktar ma narax għalfejn dan il-ġenn kollu biex uħud jixtru qabar tal-familja! Iżda dik opinjoni tiegħi….forsi għax jien indifferenti, iżda ma narax il-lok li nonfoq il-flus fuq qabar li kull min jidħol fiħ mhu se jgawdi xejn!
Iżda ejja ma niżvijjax. Il-punt tat-tluq kien li ma naqbilx, anzi, ma narax sostenibbli li ċ-ċimiterji f’Malta jibqgħu jikbru. Nemmen li rridu nħarsu bis-serjetà lejn sistemi ulterjuri ta’ difna, speċifikament il-kremazzjon.
Inwarrbu r-reliġjon min-nofs, għajdut u nofs veritajiet oħra, ftit kienu dawk l-argumenti li jikkonvinċuni kontra tali proposta. Mhux qed ngħid li nwaqqfu ċ-ċerimonji reliġjużi tal-quddies (jew kwalunkwe ċerimonja reliġjuża oħra) izda qed ngħid li l-metodu tad-difna għandna nibdluh. Iċ-ċimiterji għandhom jinbidlu, jintrebaħ ħafna iktar spazju, inqas riskji sanitarji filwaqt li d-dekor tal-individwu jibqa’ intatt sa qabel ma jsir irmied. Il-mewt tkun seħħet, li jifdal huwa ġisem lest biex jiddeterjora. Minflok jintuza tebut tradizzjonali li fih żewġ metri, il-fdalijiet tal-ġisem, l-irmied, ikun merfugħ f’kontenitur apposta.
Nammetti li dan mhux proċess facli daqs kemm wieħed jista’ jiktbu fuq karta. Jieħu ż-żmien biex tistudja din il-possibilta’, tifformola ligi etika u tibni l-infrastruttura neċessarja, iżda ma nistgħux inwaddbu din il-kwistjoni taħt it-tapit. Pajjiżi oħra jużawha. Ejja nħarsu lejha bis-serjeta’ u niddiskutuha b’mod ġust u miftuħ.
“From ashes to ashes”. Hekk jgħidu.