Il-kredibilità qed twassal biex il-Gvern ikompli jisma’ lin-nies u jintervjeni biex iwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin.
Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana waqt li ġew diskussi l-estimi tal-Ministeru.
Intqal li din il-kredibilità qed twassal biex tgħin il-faxex kollha fis-soċjetà, anki bit-tnaqqis fit-taxxi, b’€140 miljun se jibqgħu fil-bwiet tal-ħaddiema.
“Dan il-Gvern qed jagħmel ħafna, se jkompli jagħmel ħafna f’dan il-qasam, imma fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw li dak kollu li jsir ikompli jżomm fuq quddiem il-kredibiltà għax jekk xejn, dik hija l-aktar karatteristika mportanti sabiex pajjiż f’dan il-qasam ikompli jeċċella.”
Il-Ministru Clyde Caruana tkellem dwar is-sussidji fl-enerġija, li dawn se jkomplu jingħataw anki s-sena d-dieħla.
Tkellem ukoll dwar il-linja nazzjonali tal-ajru, fejn qal li qabel l-Air Malta kienet topera bi tmien ajruplani b’madwar elf ruħ u issa KM Malta Airlines qed taħdem bl-istess ammont ta’ ajruplan u qed tħaddem 380 persuna.