Il-21 ta’ April huwa meqjus bħala l-Jum Dinji tal-Kreattività u l-Innovazzjoni. Għal dan il-għan, in-nies jiġu mħeġġa jużaw il-kreattività tagħhom biex jegħlbu l-isfidi fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.
Bejn l-20 u t-22 ta’ April, fil-Valletta Design Cluster, l-Istitut Edward de Bono għall-Ħsieb Kreattiv u l-Innovazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta permezz tal-Valletta Design Cluster, u l-Fondazzjoni Snajja’ Maltin, qed jorganizza għadd ta’ attivitajiet bil-għan li tiġi iċelebrata l-Ġimgħa Dinjija tal-Kreattività u l-Innovazzjoni bi programm interattiv ta’ avvenimenti.
Matul dawn it-tlett ijiem, numru ta’ artiġġjani se juru x-xogħol u l-prodotti tagħhom, kif ukoll kif jinvolvu ruħhom fil-produzzjoni ta’ dawn l-artifatti b’mod innovattiv.
Il-pubbliku li se jattendi se jkun jista’ jsir jaf dwar id-dinja ta’ dawn il-persuni kreattivi u artiġġjani.
Dwar dawn l-attivitajiet, tkellimna mal-Kap tal-Valletta Design Cluster, Joanne Attard Mallia, li fissret magħna x’se jsib kull min jattendi.
Joanne Attard Mallia spjegat li, “Jekk int tiġi hawnhekk, fi spazji differenti, se ssib talks fuq design, fuq kif isir l-għasel, fuq contemporary design illum il-ġurnata. Fl-istess ħin, fi spazji oħra tkun tista’ tieħu sehem u titgħallem tagħmel xi ħaġa. Min se jkun qed jagħmel workshop fil-kċejjen, u għandna workshops oħrajn fejn tista’ titgħallem kif tagħmel keychain, pereżempju l-laser cutter – jiġifieri morna għat-teknoloġija moderna. ”
Laqatna b’mod partikolari x-xogħol mirqum fil-filugranu mill-artist Kevin Attard, il-volpi u l-inkwina, u l-kollezzjoni moderna ta’ xogħol fil-bizzilla u crochet, partikolarment il-handbags ta’ Gabriella Lukacs, minn GABE, u Anna Maria Gatt, ost oħrajn.
Mad-Direttur mill-Istitut Edward De Bono fi ħdan l-Università ta’ Malta, Dr Margaret Mangion, tkellimna dwar il-ħsieb u l-għan ta’ dawn l-attivitajiet.
Dr. Margaret Mangion spjegat li, “Iva, lokalment, l-Istitut Edward De Bono fi ħdan l-Università ta’ Malta qed jagħmel attivitajiet għal din il-ġimgħa, li jinvolvu setturi differenti fis-soċjetà tagħna, fosthom il-komunità industrijali, tfal fl-iskejjel. Ta’ min jgħid li l-kreattività mhix biss l-arti u l-artiġjanat imma tidħol f’aspetti differenti tal-ħajja: nagħmlu deċiżjonijiet, ħsieb kreattiv, biex jinħolqu prodotti ġodda”
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Snajja’ Maltin, Elton Micallef.