Id-ditta internazzjonali KPMG, li taħdem fis-settur finanzjarju tal-awditjar, ġabet fix-xejn allegazzjonijiet ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-bank Pilatus.
F’diversi okkażjonijiiet intqal jew ipprovat tingħata l-impressjoni li l-bank Pilatus ingħata xi trattament preferenzjali biex kiseb liċenzja ta’ bank f’pajjiżna. Xi ħaġa li kienet dejjem miċħuda mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA).
Iżda, issa kienet il-KPMG li tkellmet kif dan mhux minnu. F’dikjarazzjoni ma’ Membri tal-Parlament Ewropew li ġew pajjiżna, ir-rappreżentanti tal-KPMG fissru kif il-bank Pilatus kien stmat bħal kull entità oħra. Uffiċjal għolja tal-KPMG qalet mal-MEPs li f’madwar 18-il sena taħdem ma’ din id-ditta għamlet il-proċess ta’ sitt liċenzji għal klijenti differenti. “Kollha għaddew minn proċess tajjeb mal-MFSA,” qalet din il-persuna bl-isem ta’ Juanita Bencini.
L-MEPs għamlulha l-mistoqsija dwar jekk l-uffiċċju tal-Prim Ministru intervjeniex fil-proċess bl-uffiċjal tal-KPMG tkun ċara kristall. Intqal, li qatt ma kellha komunikazzjoni mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Mistoqsija darba tnejn dwar in-nies li ġew biex japplikaw għal-liċenzja f’isem dan il-bank, l-uffiċjali tal-KPMG kienu ċari. Sostnew li huma għandhom proċess ta’ due diligence globali, li jfisser li klijent dubjuż ma jaċċetawhx. Fil-fatt qalu li hemm diversi kriterji li jridu jkunu sodisfatti qabel huma jieħdu klijenti ġodda. Fakkru wkoll li anke l-MFSA jagħmlu dan id-due diligence tagħhom.
Intant, filwaqt li dan kien żvilupp ġdid, mill-istess rapport, ħareġ ċar ħafna kif il-proċess li għaddew minnu Pilatus kien bħal ta’ kull bank ieħor li jkun irid jikseb il-liċenzja f’pajjiżna.
Irriżulta b’mod ċar ukoll, għalkemm ġieli ntqalet qabel, li l-bank Pilatus inġieb Malta fi żmien l-Eks Ministru Tonio Fenech. Fil-fatt kien fl-2012 li bdew it-taħditiet biex in-nies tal-bank Pilatus jiksbu liċenzja biex jiftħu f’Malta. Il-proċess beda f’Ġunju ta’ dik is-sena u l-ewwel preżentazzjoni saret f’Settembru tal-istess sena u l-proċess dam għaddej madwar sena u nofs.
Il-bank Pilatus huwa l-bank fejn kienet taħdem Maria Efimova, dik li Daphne Caruana Galizia u l-Partit Nazzjonalista kienu jgħidu li hija s-sors tagħhom dwar il-gidba li kienet ivvintata b’rabta mal-kumpanija Egrant u l-familja tal-Prim Ministru. Fl-istess rapport Efimova spiċċat tgħid li mhix is-sors ta’ Daphne Caruana Galizia u eventwalment qalet li lanqas dokumenti m’għandha.
Dan ir-rapport li jagħmel konklużjonijiet dwar Malta sar minn delegazzjoni mmexxija minn Ana Gomes, l-MEP Soċjalista li ilha żmien f’kampanja kontra Malta fost oħrajn għax pajjiżna m’għandux l-abort. Membru ieħor ta’ din id-delegazzjoni bi ftit nies kien David Casa.
Intant, fl-aħħar jiem il-Viċi President tal-Grupp Soċjalista Tanja Fajon qalet b’mod ċar li Ana Gomes ma titkellimx f’isem il-grupp kollu. Saħansitra sostniet li allegazzjonijiet li jsiru dwar pajjiż, kif isir fil-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, iridu jkunu investigati u mhux wieħed jagħmilhom fatt mingħajr ma jkunu mistħarrġa