Ftit wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar, il-korteo tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici għadda minn quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Hemmhekk il-korteo tal-eks Prim Ministru sab jistennih lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista u l-grupp parlamentari Laburista. Magħhom kien hemm ukoll diversi membri mill-fergħat tal-partit u anki delegati.
Meta wasal quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, huwa ntlaqa minn ċapċipa twila.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela poġġa bukkett tal-fjuri u sellem il-memorja tad-disa’ Prim Ministru ta’ Malta.
Barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista nġabret folla ta’ nies sabiex tagħti l-aħħar tislima lill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li baqa’ jidħol fiha anki sal-aħħar żmien ta’ ħajtu.
Karmenu Mifsud Bonnici kien il-ħames Mexxej Laburista bejn Diċembru mill-1984 sa Marzu tal-1992.