Il-proġett għaċ-ċirkwit għat-tlielaq tal-karozzi u l-muturi se jkun qed isir f’żona f ‘Ta Qali fejn diġá hemm faċilitajiet sportivi, iżda mingħajr ma tkun ta’ ostaklu għal faċilitajiet li diġà qegħdin hemm.
B’reazzjoni għall-istqarrija mill-Assoċjazzjoni Sports Muturi u Karozzi li fiha ntqal li ż-żona hija diġà allokata għal proġett ieħor u li t-trakka se tkun qed taffettwa b’mod ħażin lid-dilettanti, is-Segretarju Parlamentari Chris Agius stqarr ma’ ONE NEWS li dan mhux se jkun il-każ u qal “Aħna mhux se nwaqqgħu knisja biex nibnu oħra.”
Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li dwar dan informa lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni u assigura li ebda dilettant ieħor li jipprattika d-delizzju tiegħu f’din iż-żona m’hu se jkun affetwat.
Agius spjega li ż-żona f’Ta’ Qali ġiet identifikata wara li nħarġet sejħa għall-proposti mingħajr sit identifikat. Il-bids ġew studjati min-nies tekniċi u sar rapport dwar kull sit. Il-Gvern għamel ukoll l-istudji tiegħu u s-sit l-aktar adegwat ġie identifikat bħala Ta’ Qali.
Din hija wegħda oħra tal-Partit Laburista li se tkun qed titwettaq. “Id-dilettanti tal-karozzi ilhom jiġu mwiegħda din it-trakka għal 50 sena,” spjega s-Segretarju Parlamentari u wara tliet snin studju, iż-żona għat-trakka ġie identifikat.