B’kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Heritage Malta, qed jinqalbu b’mod diġitali kollezzjoni ta’ aktar minn 15,000 pjanta storika tas-servizzi tal-ilma lokali.
Dawn il-pjanti, li jmorru lura aktar minn seklu, juru s-sistemi tal-kanen, stazzjonijiet tal-ippumpjar tal-ilma, kif ukoll xogħlijiet pubbliċi u ppjanar f’pajjiżna.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali Owen Bonnici u l-Ministru għall Enerġija Miriam Dalli, fejn ingħataw aġġornament tax-xogħol li għaddej.
Meta jitlesta dan ix-xogħol, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jkollha aċċess diġitali għall-informazzjoni, li hija kruċjali għall-operat tagħha. Dan il-proġett se jżid il-ħeffa tar-riċerka b’aċċess fil-pront għall-arkivju, filwaqt li tonqos il-possibilità li ssir ħsara lill-pjanti oriġinali, li huma pjuttost fraġli.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-iskennnjar ta’ dawn il-pjanti kien possibli permezz ta’ scanner apposta li għandha Heritage Malta.
Qal, “Bis-saħħa ta’ din it-teknoloġija qegħdin naraw li ninterpretaw bl-aħjar mod dak li missirijietna għamlu fejn jidħol id-distribuzzjoni tal-ilma bis-saħħa tal-iskenjar ta’ eluf ta’ pjanti li għandhom valur storiku importanti ħafna.”
Il-Ministru Miriam Dalli sostniet li dan il-proġett mhuwiex ta’ importanza biss għall-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, iżda wkoll għal pajjiżna.
Stqarret, “Il-Korporazzjoni fil-fatt għandha ħafna dokumenti, li jiddokumentaw l-istorja tal-ilma f’pajjiżna. U b’dan il-mod, grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta qed ikun aċċertat li dawn id-dokumenti jkunu aċċessibli għall-pubbliku, imma fl-istess ħin li jkunu mħarsa ħalli dak il-mod inkunu qegħdin nirrikordjaw l-istorja ta’ pajjiżna.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.