Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma nediet pjattaforma innovattiva diġitali sabiex il-pubbliku u investituri jkunu jistgħu jsegwu l-progress ta’ proġetti iffinanzjati mill-ewwel Green Bonds f’pajjiżna.
Dawn il-fondi, li jiffinanzjaw proġetti ekoloġiċi fil-pajjiż, huma l-ewwel tax-xorta tagħhom u se jkunu qed jimmaturaw fi żmien għaxar snin b’rata ta’ imgħax ta’ 4.25%.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, waqt żjara fuq wieħed mill-proġetti ffinanzjati mill-green bonds.
Intqal li b’rabta mal-Green Bonds li jammontaw għal 25 miljun ewro, diġà kien hemm nefqa ta’ seba’ miljun ewro u sal-aħħar tas-sena se jkun hemm żewġ miljun ewro oħra. Dan ifisser 36 fil-mija tal-fond oriġinali.
Il-ġurnalisti preżenti ġew mistiedna wkoll iżuru x-xogħol li għaddej fuq is-saqaf tal-ġibjun li jinsab f’Ħal Luqa, fejn qed jiġu installati aktar minn elf u tlett mitt pannella solari.
B’investiment li joqrob in-nofs miljun ewro, il-proġett jiġġenera madwar 1.1 miljun kilowatt fis-sena, ekwivalenti għall-enerġija mitluba minn 250 dar.
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia spjega li l-għan tal-Korporazzjoni huwa li jiġi pproduċut l-ilma bl-aktar mod sostennibli. Hawnhekk semma l-eżempju ta’ Ħondoq ir-Rummien.
“Għadna kif nedejna sentejn ilu impjant ta’ reserve osmosis f’Għawdex dak ta’ Ħondoq ir-Rummien li mhux talli għamel Għawdex indipendenti talli huwa l-iktar impjant effiċjenti fid-dinja fejn rajna tnaqqis ta’ enerġija b’24 fil-mija minn reserve osmosis konvenzjonali, impjant li bih erbaħna l-energy globe awards tajjeb li ngħidu u impjant li juża 2.8 kilowatt hours biex nipproduċu metru kubu ta’ ilma. Dan meta mqabbel ma standards oħrajn ta’ tlieta, erbgħa, ħamsa.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-WSC, Karl Cilia
Dan filwaqt li aċċenna għal ċifri rekords li laħqu fl-aħħar snin fosthom li din is-sena l-leakages tal-ilma tnaqqsu bi tnejn fil-mija.
Ċifra rekord oħra li semma kienet dik li f’dawn l-aħħar tliet snin raw tnaqqis ta’ 30 fil-mija tal-chlorine fl-ilma b’madwar tletin fil-mija.
Is-servizz tan-New Water ukoll ra wieħed punt sitta miljun metru kubu ta’ ilma biex dan jagħml tajjeb għalih il-bdiewa Maltin u l-Għawdxin.
Sadanittant il-Ministru Dalli sostniet li l-pjattaforma tal-Green Bonds se tippermetti lil kulħadd isegwi l-progress ta’ inizjattivi differenti f’ħin reali. Irrimarkat li dan huwa pass favur it-trasparenza u l-governanza tajba.
“Meta l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma kienet l-ewwel utility company mhux biss f’pajjiżna imma wkoll fl-Unjoni Ewropea li ħarġet il-green bonds, konna sorpriżi wkoll bl-interess li kien hemm min-nies għaliex f’temp ta’ ftit sigħat dawn il-green bonds ġew sottoskritti mal-ewwel b’mod partikolari minn investituri individwali. Issa riedna mmoru pass oltre minn hekk biex min investa flusu fil-green bonds, jara li flusu ġew investiti f’dawn il-proġetti li huma ambjentalment sostennibli.”
Il-Ministru Miriam Dalli