Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tagħmel investiment ta’ €33 miljun f’taċ-Ċumnija, il-Mellieħa, sabiex tirdoppja t-trattament tad-drenaġġ.
Dan il-proġett se jara wkoll il-produzzjoni ta’ iktar New Water li minnu se jgawdu mijiet ta’ bdiewa f’pajjiżna. Huwa mifhum li dawn il-bdiewa diġà huma mqabda mas-sistema ta’ New Water iżda permezz ta’ dan il-proġett se jkollhom iktar ilma disponibbli għalihom.
Dan l-investiment huwa parti mill-pjan nazzjonali ta’ investiment ta’ €310 miljun kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Intqal li l-produzzjoni tan-New Water se tiżdied bi 8,000 metru kubu kuljum.
Ġie spjegat kif il-post fejn jinsab l-impjant poġġa numru ta’ limitazzjonijiet fejn setgħet issir l-estensjoni tad-drenaġġ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia spjega l-impenn tal-korporazzjoni biex dan il-proġett isir bl-iktar mod sostenibbli. Huwa saħaq li se tintuża t-teknoloġija ta’ Membrane Biological Reactor għall-espansjoni, biex il-KSI tiżgura li jkun hemm bżonn l-inqas ammont ta’ art agrikola.
Iż-żona li fuqha huwa ppjanat li ssir l-espansjoni ntgħażlet b’konsultazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet rilevanti u saret b’tali mod li l-espansjoni issir bl-inqas impatt ambjentali.