Matul is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet qligħ ta’ €6.3 miljun u naqqset id-dejn b’€5.8 miljun biex hekk id-dejn naqas bi kważi €30 miljun f’erba’ snin.
Meta ressaq l-estimi finanzjarji tal-korporazzjoni, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li s-sovvenzjoni tal-gvern naqset b’€1.3 miljun.
Huwa semma li aktar tard din is-sena l-korporazzjoni se tapplika għal fondi ta’ €100 miljun mill-UE biex issaħħaħ is-servizz tal-ilma u d-drenaġġ. Qed isir xogħol ukoll biex ilma tad-drenaġġ jiġi msoffi tliet darbiet u jintuża mill-biedja u mill-industrija. Il-bdiewa jkunu jistgħu japplikaw għal fondi biex jestendu s-sistema tat-tisqija.
Il-Ministru Mizzi qal li l-mira ewlenija tal-Korporazzjoni tal-Ilma huwa li żżid l-effiċjenza. Diġà saru 680 spezzjoni fejn f’35 każ instab li kien qed jinsteraq l-ilma. Semma l-espansjoni sostanzjali fil-laboratorju li llum għandu kompetenzi ġodda li se jibdew jsiru eżamijiet dwar pestiċidi fl-ikel biex dawn ikunu konformi mal-livelli tal-UE.
Dwar l-enerġija solari, il-Ministru Mizzi qal li fuq il-ġibjun tal-Fiddien kollox huwa lest biex jitqiegħdu l-pannelli u l-poplu se jkun jista’ jinvesti fihom ħalli jibbenefika minn rati mnaqqsa.
Il-Ministru Mizzi qal li minkejja li sar titjib fil-ġarr tal-isludge, fis-sejħa l-ġdida għall-kuntratt tat-transport se jsiru kundizzjonijiet li jnaqqsu t-tbatija tan-nies li joqgħodu fl-inħawi.