Sas-sajf li ġej, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tlesti l-proġett ta’ rinnovazzjoni fuq il-ġibjun fin-Naxxar, b’investiment ta’ €3 miljun. Dan tħabbar waqt żjara li għamlet fuq il-lant tax-xogħol il-Ministru responsabbli Miriam Dalli.
Dan il-ġibjun, li jesa’ madwar 25,000 metru kubu ta’ ilma, ilu mibni mill-1938 u jkopri l-parti ċentrali tal-pajjiż.
Preżenti fuq il-post kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni, Karl Cilia, li spjega x-xogħlijiet, li huma maqsumin f’żewġ fażijiet.
“Fejn sar it-twaqqigħ tas-saqaf tal-ewwel nofs tal-ġibjun, issa ħa jinbena ħajt f’nofs il-ġibjun eżatt biex ikun jista’ jintuża t-tieni nofs tal-ġibjun, biex ovvjament aħna nżommuh bħala riserva għal li jista’ jinqala’ bħala pajjiż, biex niżġuraw il-provvista tal-ilma għall-klijenti tagħna. It-tieni fażi, imbagħad, qed naraw li jsir ix-xogħol viċi-versa, jiġifieri qed naraw li jimtela l-ilma fl-ewwel parti tal-ġibjun, fl-ewwel nofs tal-ġibjun, li ħa jkun lest imbagħad u jsir it-twaqqigħ u rinnovar assolut fit-tieni stadju. Biex, imbagħad, finalment il-ġibjun se jkun attrezzat bil-pannelli solari b’kapaċita ta’ 600 kiloWatt peak.”
Karl Cilia, Kap Eżekuttiv, WSC
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha għaddejja bi proġetti simili u diġà tlesta l-ġibjun f’Ħal Luqa, waqt li se jsir xogħol fuq dawk fil-Fiddien u f’Ta’ Qali.
Dan bħala parti mill-pjan nazzjonali b’investiment ta’ €310 miljun, mifrux fuq għaxar snin.
Dwar dan ikkummentat il-Ministru Miriam Dalli.
“Dan il-pajjiż hu wieħed mill-ftit pajjiżi, anke fl-Unjoni Ewropea, li għandu pjan ta’ investiment, proprju fejn jidħol is-settur tal-ilma. Aħna għandna settur tal-ilma li hu b’saħħtu, però rridu nkomplu nsaħħu dan is-settur daqshekk importanti għall-pajjiż, għax din hi riżorsa importantissima għal pajjiż, bħal tagħna”.
Il-Ministru Miriam Dalli