Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħti bidu għal proġett infrastrutturali li jiswa madwar €3 miljun, immirat biex itejjeb l-affidabbiltà u s-sigurtà tas-sistema tal-provvista tal-ilma f’pajjiżna.
Dan il-proġett fil-ġibjun tan-Naxxar hu parti minn inizjattiva akbar biex jiġu rinnovati l-assi nazzjonali bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment ta’ Malta.
Il-ġibjun se jsirulu xogħlijiet biex jiġi indirizzat telf ta’ ilma minnu, tinbidel l-istruttura tas-saqaf tal-konkos u l-kolonni ta’ sostenn interni, filwaqt li jitpoġġew pajpijiet akbar għall-ħruġ ta’ din ir-riżorsa u eventwalment se jiġu installati numru ta’ pannelli solari fuq is-saqaf il-ġdid.
Se jinżamm biss il-ħajt diġà eżistenti tal-ġibjun.
L-ewwel fażi tal-proġett se tkun mifruxa fuq tmin ġimgħat u mistennija titlesta f’Marzu.
Il-Korporazzjoni qalet li, matul l-ewwel tmin ġimgħat, il-klijenti mistennija jesperjenzaw pressjoni baxxa tal-ilma.