Il-korpi kostitwiti laqgħu l-ħatra ta’ Dr Robert Abela bħala l-Mexxej il-Ġdid tal-Partit Laburista u l-14-il Prim Ministru fl-istorja ta’ pajjiżna.
Ir-reazzjonijiet bdew deħlin ftit ftit sa mill-ewwel minuti li l-Avukat Abela inħatar bħala d-disa’ mexxej tal-Partit Laburista.
L-ewwel fost dawn kien hemm ir-reazzjoni tal-GRTU.
L-assoċjazzjoni għan-negozji żgħar u medji saħqet li wara l-avvenimenti tal-ġimgħat li għaddew, issa l-pajjiż għandu bżonn tmexxija serja u matura.
Dan biex pajjiżna u l-attività ekonomika tan-negozji Maltin u Għawdxin terġa’ lura għan-normal.
Hija offriet l-id tal-ħbiberija lill-Prim Ministru l-ġdid u offriet li minnufih tibda taħdem mal-Prim Ministru Abela għall-ġid ta’ pajjiżna, in-negozji u l-familji.
Min-naħa tagħha l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija awgurat lill-Prim Ministru l-ġdid għall-ħatra tiegħu u qalet li dan għandu sfida u biċċa xogħol importanti biex isaħħaħ l-istrutturi ta’ pajjiżna.
Spjegat li tħares ‘il quddiem li tiltaqa’ ma’ Dr Abela iżjed tard din il-ġimgħa fejn se tippreżenta numru ta’ proposti għat-tisħiħ ta’ pajjiżna.
Fost dawk li awguraw lill-Prim Ministru l-ġdid kien hemm ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin li fi stqarrija qalet li se tkun qiegħda taħdem mal-amministrazzjoni l-ġdida fl-impenn tagħha li tinnormalizza s-sitwazzjoni politika u l-effetti tal-avvenimenti tal-aħħar ġimgħat.
Fi stqarrija, l-isqfijiet ta’ Malta u Għawdex awguraw kull ġid u barka lill-Prim Ministru l-ġdid ta’ Malta filwaqt li awguraw ukoll li l-ħidma u l-koperazzjoni bejn il-Knisja u l-Istat tkompli fi spirtu ta’ rispett tal-awtonomija reċiproka u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni għall-ġdi komuni.