“Hemm persuni li jagħtu ħajjithom għat-tmexxija ta’ dawn id-djar u għalhekk ridna ntaffu ftit minn dan il-piż.”
Dan kien kliem il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri waqt żjara li għamel flimkien ma’ diversi ħaddiema mill-forzi dixxiplinati f’numru ta’ djar tat-tfal.
Fuq inizjattiva tal-Ministeru, inxtara ikel u materjal bżonnjuż ieħor b’risq dawn id-djar u l-Foodbank.
Fost id-djar li gawdew minn din l-inizjattiva, u fi kliemhom ingħataw tifsira differenti tal-Milied din is-sena, hemm Dar Sagra Familja f’Ħaż-Żabbar.
Soru minn din id-Dar qaltilna: “Milied b’differenza imma deep kif tgħid, bis-sens li ħafna nies qisna dħalna fl-ispirtu u fl-istess ħin qed ngħidu għalfejn qed nagħmlu l-Milied? Hemm messaġġ naħseb li hu ta’ valur ħafna iżjed Kristjan. Qatt ma nista’ nieqaf ngħid grazzi.”
Il-Ministru Camilleri fisser li f’dawn iż-żminijiet wieħed irid jaħseb f’min hu iktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Huwa stqarr: “Bi sforz żgħir ta’ ħafna persuni ridna li dan il-Milied nagħmllu differenza u nferrħu ħafna tfal.”
L-entitajiet li pparteċipaw kienu l-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi Armati ta’ Malta, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-LESA u l-attività laħqet il-qofol tagħha fi Pjazza Kastilja fejn tpoġġew rigali għall-inizzjattiva ‘Rigal b’Imħabba’.