Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ppreseda waqt attività sportiva li saret fil-barracks ta’ Ħal Luqa u ta’ Ħal Safi. Uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fil-Forzi Armati ta’ Malta, fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u fl-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati pparteċipaw f’din l-attività.
Għal din l-attività ħadu sehem madwar 500 uffiċjal mill-Korpi Dixxiplinati ta’ pajjiżna li kkompetew f’21 sport differenti li jinkludu tournament tal-football, volleyball, power lifting, ġiri, u table tennis fost l-oħrajn. L-attività bdiet b’daqq flimkien mill-bandisti tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Korp tal-Pulizija.
Waqt l-indirizz tal-ftuħ, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia tkellem fuq kif f’diversi ċirkostanzi, il-Korpi Dixxiplinati ħadmu flimkien biex tkompli titkattar is-sigurtà ta’ pajjiżna b’risq il-poplu Malti u Għawdxi. Huwa kompla billi qal li hu importanti li kull membru f’Korp Dixxiplinat jaħdem flimkien bħala team wieħed. Il-Ministru Farrugia qal li l-attività tal-lum se sservi biex l-uffiċjali jsiru jafu aktar lil xulxin u b’hekk tiżdied il-kooperazzjoni u l-ħidma ma’ xulxin. Huwa rringrazzja lill-Korpi Dixxiplinati kollha u awguralhom kull suċċess.
Fi tmiem l-attività l-parteċipanti rebbieħa ta’ kull kategorija ngħataw trofej u midalji tal-okkażjoni. It-teams tal-Forzi Armati ta’ Malta ġabu l-aktar punti b’mod ġenerali.