Il-Korp tal-Pulizija llum iċċelebra l-208 snin minn mindu twaqqaf: snin ta’ ħidma bla waqfien favur is-sigurtà tal-pajjiż u, fuq kollox, taċ-ċittadin.
Il-Korp tal-Pulizija twaqqaf mill-ewwel Gvernatur Brittaniku, Thomas Maitland, sena wara li twaqqaf il-Gvern Kolonjali.
Għal din l-okkażjoni, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt, ġiet iċċelebrata quddiesa solenni.
Fl-omelija tiegħu, fil-preżenza ta’ għexieren ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija minn kull taqsima, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, ikkwota talba ta’ San Ġorġ Preca u qal li l-missjoni tal-Pulizija mhix faċli.
Qal, “Il-Missjoni tal-Korp tal-Pulizija mhix faċli: hija dik li tkun il-preżenza tal-valuri għoljin tas-soċjetà f’mumenti l-aktar ebsin u ta’ sfida. L-ordni pubbliku huwa l-qafas fejn aħna ngħixu ħajjitna fil-libertà, fis-sikurezza, u fir-rispett lejn xulxin, u mhix missjoni ħafifa li inti tiżgura l-ordni pubblika f’ambjent fejn, ħafna drabi, tiltaqa’ ma’ aggressjoni, ma’ atteġġjamenti antisoċjali u kriminali.”
Huwa rringrazzja lil Alla għall-protezzjoni li jagħti lill-membri tal-Korp.
L-Arċisqof Scicluna għamel referenza wkoll għall-motto tal-Korp tal-Pulizija, Domine Dirige Nos, li tfisser “Mulej Idderiġina”.
Iċ-ċelebrazzjoni solenni ġiet animata mill-banda tal-Pulizija taħt id-direzzjoni tas-Surmast tal-banda tal-Korp, l-Assistent Kummissarju Anthony Cassar.
Preżenti għall-quddiesa kien hemm ukoll il-President ta’ Malta George Vella, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, membri oħra mil-Korpi Dixxiplinati, u membri mill-Korp Diplomatiku.