Ir-responsabiltajiet tal-Korp tal-Pulizija mistenni jkunu aktar mifruxa u mhux konċentrati fuq persuna waħda, ikun hemm tistħiħ tal-kontabilità u aktar trasparenza tad-deċiżjonijiet u jkun hemm u awditjar tul is-sena kollha.
Meta t-Tnejn fil-għaxija introduċa l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Pulizija, il-Ministru għall-Intern carmelo Abela qal li dan jirregola l-organizzazzjoni, id-dixxiplina u d-dmirijiet tal-Korp.
Huwa qal fil-programm elettorali, il-Partit Laburista kien wiegħed Korp aktar qawwi biex jilqa’ għall-isfidi tal-preżent u tal-futur.
Il-Ministru Abela qal li trid tingħata aktar importanza għat-taħriġ biex il-membri tal-Korp iħossu li għandhom karriera quddiemhom u hekk iċ-ċittadin jingħata servizz aħjar.
Huwa semma li l-unions tal-pulizija għamlu s-suġġeriment tagħhom li jidhirlu li huma interessanti iżda mhux li jidħlu fl-abbozz, fosthom li tingħata forma legali lid-distretti tal-pulizija u organizzazzjoni tal-għases.
L-abbozz jipprovdi għal Bord ta’ Governanza li għandu jippreżenta rapport annwali ta’ ħidma lill-inistru u l-imsemmi rapport għandu jiġi jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati u għandu jiġi diskuss fil-parlament.
Barra minn hekk, qal il-Ministru, id-dokumenti strateġiċi tal-Bord se jiġu preżentati mill-Ministru lill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali tal-Kamra.
Il-Kummissarju tal-Pulizija se jibqa’ jmexxi u jiggwida l-Korp, kif ukoll jirregola l-ħatriet, id-dmirijiet u d-dixxiplina tal-Korp waqt li l-Kap Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet operattivi u amministrattivi kollha, esklużi attivitajiet relatati mal-pulizija. Il-Kap Eżekuttiv jirrapporta lill-Kummissarju.