Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ħabbar li l-Korp tal-Pulizija se jibbenefika minn madwar €625,000.00 li minnhom – bejn wieħed u ieħor – €469,000.00 huma ffinanzjati mill-fondi tal-UE.
Il-proġett approvat mill-awtorità responsabbli jaqa’ taħt l-awspiċi tal-programm 2014-2020 Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni, u l-Integrazzjoni (FAMI) u jiffoka fuq it-twaqqif ta’ relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, jiġifieri l-Gambja, il-Gana, u n-Niġerja – bil-għan li jinkisbu aktar dokumenti tal-ivvjaġġar sabiex tiġi faċilitata r-ripatrijazzjoni u tiġi żgurata r-reammissjoni fit-tul. Dan il-proġett hu l-Kooperazzjoni mal-Pajjiżi Terzi dwar il-Kwistjonijiet ta’ Ritorn.
Dr Borg ħabbar li aktar proġetti taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni, u l-Integrazzjoni se jiġu implimentati matul il-perjodu ta’ eliġibilità tal-programm. Dawn il-proġetti għandhom l-iskop li jtejbu l-attivitajiet ta’ ġestjoni ta’ ritorn ta’ Malta b’kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini u l-istati membri, filwaqt li jimmiraw għas-simplifikazzjoni fl-integrazzjoni għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’pajjiżna. Is-Segretarju Parlamentari qal li l-maġġoranza ta’ dawn il-proġetti se jikkumplimentaw u jibnu fuq inizjattivi implimentati taħt fondi passati.
Dr Ian Borg esprima rikonoxximent għax-xogħol imwettaq mid-Diviżjoni tal-Fondi u l-Programmi u mill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, li permezz ta’ sforzi konġunti qegħdin u se jibqgħu jgħinu biex Malta tilħaq il-miri tagħha.