Il-Korp tal-Pulizija Malti ffirma ftehim mal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit.
Dan sabiex il-Kunsill Nazzjonali tal-Kapijiet tal-Pulizija fir-Renju Unit jipprovdi koperazzjoni strateġika u assistenza għal-Korp tal-Pulizija Malti bħala parti mill-Istrateġija għat-Trasfomazzjoni tiegħu 2020-2025.
Il-ftehim jirrigwardja strettament l-għajnuna lejn ir-riformi li għaddejjin bħalissa u sabiex tissaħħaħ ir-riżorsa umana fi ħdan il-Korp tal-Pulizija Malti.
Din il-kooperazzjoni se tgħin biex il-Korp tal-Pulizija Malti ssaħħaħ is-servizzi u l-operat tiegħu.
Dan il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, u l-Kummissarju Għoli għar-Renju Unit l-Eċċellenza tagħha Katherine Ward.
Preżenti għall-Iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern Malti qiegħed isaħħaħ il-Korp tal-Pulizija billi jipprovdielu l-għodda neċessarja.
B’reazzjoni għall-fatt li żdiedet il-fiduċja tal-poplu fil-Korp tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern sostna li hu jħares ’il quddiem biex itejjeb is-servizz li l-Korp tal-Pulizija jagħti lill-pajjiż.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà semma x-xogħol li qed isir b’rabta mal-istrateġija għat-trasformazzjoni.
Huwa qal li din tinsab fi stadju avvanzat u stqarr li qed tipprovdi riżultati konkreti fejn jidħlu l-investigazzjonijiet u s-servizzi provduti mill-Pulizija.
Il-Kummissarju Għoli għar-Renju Katherine Ward semmiet l-istorja ta’ rabta bejn il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u r-Renju Unit.
Qalet li l-koperazzjoni ta’ bejniethom kompliet bil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.