Il-Korp tal-Pulizija ospita laqgħa informali għal Liaison Officers responsabbli mill-infurzar tal-liġi minn diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Dan intqal fi stqarrija mill-Korp tal-Pulizija, fejn għal din il-laqgħa, li saret fil-Forti Sant’Iermu, ipparterċipaw 17-il uffiċjal minn disa’ pajjiżi, kif ukoll diversi uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija Malti.
F’din il-laqgħa ġew diskussi diversi temi, fosthom il-kooperazzjoni u l-isfidi li dawn l-uffiċjali jiffaċċjaw, metodi ta’ kif għandha titjieb l-effiċjenza u l-kooperazzjoni bilaterali, kif ukoll l-opportunitajiet li dawn l-uffiċjali jistgħu joffru fl-infurzar tal-liġi.
L-uffiċjali li attendew għal din il-laqgħa huma mħarrġin biex jittrattaw każijiet kumplessi, waqt li jirrispettaw il-prattiċi diplomatiċi internazzjonali, il-kulturi ta’ infurzar barrani, kif ukoll jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali. Dawn l-istess uffiċjali jassistu fil-prevenzjoni u investigazzjoni f’każijiet ta’ terroriżmu u reati serji.
Il-parteċipanti kollha faħħru l-organizazzjoni ta’ din il-laqgħa u ddeskrivewha bħala pass importanti fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn id-diversi uffiċjali tal-infurzar tal-liġi.
Il-Korp tal-Pulizija jirrikonoxxi l-kontribut importanti li joffru dawn il-Liaison Officers fil-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji f’diversi pajjiżi. Intqal li l-Korp se jibqa’ kommess li jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika u operazzjonali mal-Liaison Officers u jospita avvenimenti simili fil-futur.