Il-Korp tal-Pulizja ċaħad kategorikament akkużi bla bażi u li m’għandhom xejn mill-verità, li saru mill-Kelliem Nazzjonalista Darren Carabott waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali llum waranofsinhar fejn ġiet ittrattata l-mewt ta’ Nicolette Ghirxi.
Stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija mhux veru li gideb fl-informazzjoni li ta lill-ġurnalisti dwar il-qtil ta’ Ghirxi nhar it-12 t’Awwissu, kif allega l-Partit Nazzjonalista.
Ingħad kif il-Korp se jkun qed jikkopera mal-bord indipendenti għall-ilmenti dwar il-Pulizija, immexxi mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia, u se jkun qed jesebixxi d-dokumenti kollha fil-pussess tiegħu, inkluż ir-rifjut bil-miktub mill-vittma kif ipprovdut mir-risk assessors tal-Aġenzija Appoġġ fit-22 ta’ April li għadda.
Il-Korp tal-Pulizija fakkar ukoll kif, minkejja dan ir-rifjut, kif anke jiġri f’każi oħrajn, il-Victim Support Unit tal-Korp kien xorta waħda għamel kuntatt mal-vittma fit-23 ta’ April 2024 liema servizzi wkoll ġew irrifjutati.
Filwaqt li hu prekluż milli jgħaddi kummenti ulterjuri dwar il-każ, il-Korp kompla jinnota wkoll iċ-ċaħda kategorika li saret mill-FSWS dwar tali allegazzjonijiet.
Il-Korp tal-Pulizija fl-aħħar snin ta prijorità lill-vittmi tal-vjolenza domestika, anke bit-twaqqif tal-Gender-Based & Domestic Violence Unit li qed tassigura servizz aktar professjonali u empatiku. Dan qed iwassal għal żieda drastika fin-numru ta’ persuni li llum qegħdin jersqu lejn dan is-servizz u jagħmlu rapporti ta’ vjolenza domestika.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Korp tal-Pulizija hu kommess li jkompli jsaħħaħ din il-ħidma, f’kordinazzjoni sħiħa ma’ aġenziji oħrajn involuti.