29 Kuntistabbli tal-Pulizija ngħataw il-promozzjoni għal Surġent.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Il-Ministru Camilleri stqarr li permezz tal-investimenti li saru f’dawn l-aħħar ftit xhur, il-Korp tal-Pulizija jinsab ippreparat għall-isfidi tal-lum. Huwa appella lis-Surġenti l-ġodda biex ikomplu jaħdmu biex jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Min-naħa tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà tenna li promozzjonijiet bħal dawn iħares lejhom b’ħerqa, għax juru li l-pulizija għandhom fihom il-ħeġġa li javvanzaw għalkemm ix-xogħol tal-Pulizija mhuwiex wieħed faċli.
Huwa ħeġġeġ lis-Surġenti l-ġodda biex jikkontribwixxu u jimmotivaw lill-kollegi tagħhom għall-bidla, ħalli fiż-żmien tkompli tiġi attwata l-istrateġija tat-trasformazzjoni fil-Korp.
Il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà awguraw lis-surġenti l-ġodda.