It-taqsima tar-Rapid u Special Intervention Unit u membri oħra tal-Korp tal-Pulizija ser ikunu jistgħu jitħarrġu fuq simulator li l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
B’investiment ta’ €150,000, is-simulator joffri ċirkostanzi reali li jirriflettu sitwazzjonijiet li jaffaċjaw l-pulizija fil-verità f’każijiet bħal serq, bullying u terroriżmu.
Dan l-investiment mhux biss huwa wieħed iżjed ekonomiku iżda wkoll iktar sigur għall-pulizija.
L-Assistent Kummissarju Nezren Grixti stqarr kif din is-sistema hija waħda li tagħti kontroll sħiħ taċ-ċirkostanzi lill-operatur tas-sistema u għalhekk dak li jkun qed iħarreġ lill-pulizija.
Hu spjega: “It-teknoloġija dejjem qiegħda tavvanza, dejjem tinbidel minn ġurnata għal ġurnata, iktar ma aħna bħala korp tal-pulizija ninvestu f’affarijiet avvanzati u teknoloġija ġdida, ovvja li r-riżultat ser ikun aħjar.”
Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi, Byron Camilleri saħaq kif din is-sistema ta’ taħriġ ser tkun qed tipprepara lill-pulizija għal kull eventwalità.
Hu sostna: “Permezz tiegħu l-korp tal-pulizija qed ikun preparat għal kwalunkwe eventwalità, kemm jekk terroriżmu, kemm jekk għandek ‘mass shooting’, kemm jekk għandek kwalunkwe inċident ieħor illi sfortunatament il-korp tal-pulizija jiltaqa’ miegħu ta’ kuljum.”
Huwa stqarr li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jinvesti fil-Korp tal-Pulizija sabiex dan ikun jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum.