Il-Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin qal li l-Korea ta’ Fuq wettqet is-sitt test nukleari tagħha.
Waqt li kien qed jagħti l-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, Taro Kono qal li l-Gvern Ġappuniż ikkonferma li l-Korea ta’ Fuq wettqet test nukleari l-Ħadd filgħodu, wara li kienet eżaminata l-informazzjoni mill-aġenzija tat-temp u informazzjoni oħra.
Iktar kmieni, esperti tas-sismoloġija innutaw theżżiża f’żona fejn il-Korea ta’ Fuq kien għamlet testijiet nukleari oħra.
Iċ-Ċina u l-Istati Uniti ddeskrivew it-theżżiża bħala splużjoni.
It-theżżiża kienet innutata sigħat wara li l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un deher f’ritratt ma’ dik li l-midja tal-istat qed tiddeskriviha bħala bomba ġdida tal-idroġenu.
L-istess midja qalet li din tista titpoġġa fuq missila ballistika.
Madanakollu, dawn il-pretensjonijiet għadhom ma ġewx ivverifikati indipendentament.
Uffiċjali tal-Korea ta’ Isfel qalu li t-theżżiża seħħet f’Kilju County, fejn tinsab is-sit tat-testijiet nukleari Punggye-ri.