Il-Korea ta’ Fuq qalet li l-pjan tagħha li tispara erba missili viċin it-territorju Amerikan ta’ Guam se jkun lest dalwaqt, hekk kif kompliet tintensifika gwerra bil-kliem ma’ Washington.
Midja tal-istat qalet li rokits tat-tip Hwasong-12 se jgħaddu minn fuq il-Ġappun u jinżlu fil-baħar madwar tletin kilometru ‘il bogħod minn Guam, jekk il-pjan ikun approvat minn Kim Jong-un.
L-Istati Uniti wissiet lill-Korea ta’ Fuq li l-azzjonijiet tagħha se jwasslu għat-tmiem tar-reġim tagħha. Filwaqt li l-Korea ta’ Fuq qalet li Donald Trump huwa bniedem b’nuqqas ta’ raġuni. Is-Segretarju tad-Difiża tal-istati Uniti Jim Mattis qal li jekk tinqala gwerra, l-Istati Uniti u l-alleati tagħha flimkien se jkollhom saħħa ferm ikbar minn Pyongyang.