Il-Korea ta’ Fuq, għal darb’oħra, falliet milli ttella’ satellita fl-ispazju, tliet xhur wara l-ewwel tentattiv tagħha fejn dakinhar il-vettura spazjali kienet spiċċat fil-baħar.
Il-midja tal-istat qalet li l-missjoni falliet il-Ħamis filgħodu waqt it-tielet stadju tal-missjoni. L-aġenzija spazjali tal-istat qalet li se jsir tentattiv ieħor f’Ottubru li ġej.
Il-Korea ta’ Fuq trid li jkollha satellita fl-ispazju hekk kif din toffri vantaġġ srateġiku b’saħħtu fl-ispjunaġġ u monitoraġġ aktar preċiż ta’ attakki li jista’ jkun hemm kontra l-pajjiż jew minnu.
L-isparar tas-satellita lejn l-ispazju qanqal twissija ta’ emerġenza fil-Ġappun u residenti kienu qed jiġu ordnati biex jibqgħu ġewwa, sakemm, għoxrin minuta wara, it-twissija ġiet irtirata.
Il-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida kkundanna dan it-tentattiv ġdid mill-Korea ta’ Fuq u qal li mġieba simili tmur kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda u għalhekk bħala stat se jkun qed jipprotesta dwar dan fil-fora internazzjonali.
Min-naħa l-oħra, rapporti fil-midja Koreana qalu li l-Mexxej Kim Jong Un se jibqa’ jipprova għaddej b’missjonijiet simili. Minkejja li din il-missjoni falliet, jidher li ġie rreġistrat progress fuq dik preċedenti f’Mejju li għadda.