Il-koppja akkużata b’ħasil ta’ flus, Gordon u Yvette Debono, ingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħamsin elf ewro kull wieħed, u garanzija personali ta’ mija u ħamsin elf ewro.
Dawn inħelsu wkoll taħt il-kundizzjoni li jiffirmaw f’għassa tal-pulizija darbtejn kuljum.
Il-koppja Debono nħelset mill-arrest wara li l-avukati tagħhom tefgħu dubji dwar il-każ imressaq kontrihom waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza li seħħet l-Erbgħa. Il-koppja kienet ilha arrestata minn Novembru li għadda.
Waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza tal-Erbgħa, ġie żvelat kif investigazzjoni fuq il-kumpaniji tagħhom bdiet fl-elfejn u tlettax wara li l-pulizija rċevew informazzjoni kunfidenzjali.
Fl-investigazzjoni ġiet analizzata informazzjoni finanzjarja, fejn fost l-oħrajn, instab kif Gordon Debono allegatament irċieva iktar minn nofs miljun ewro mill-kumpanija Petroplus, kumpanija li hu stess kien id-direttur tagħha.
Min-naħa tagħha, Yvette Debono allegatament kellha mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’diversi bankijiet lokali minkejja l-fatt li għal dawn l-aħħar tmien snin ma kinitx taħdem. Intqal ukoll li Yvette Debono kienet xtrat propjetajiet f’Ċipru li jammontaw f’valur ta’ miljun u seba’ mitt elf ewro.