Imħabbra skema ġdida għat-twaqqif ta’ koperattivi fis-Settur Pubbliku bil-għan li tieħu post iż-żewġ skemi eżistenti li nħolqu fis-snin 90. Dan ħabbru s-Segretarju Permanenti Mario Cutajar waqt żjara uffiċjali fl-operat tal-Koperattiva Tabelli u Sinjali tat-Traffiku magħrufa aħjar bħala KOPTASIN fil-Qasam Industrijali f’ Kordin.
Is-Sur Cutajar spjega kif permezz ta’ din l-inizjattiva, il-ħaddiema taċ-ċivil ser ikollhom l-opportunita’ li jingħaqdu bejniethom u jwaqqfu koperattiva bil-għan li tiżdied aktar l-effiċjenza u l-produttivita’ fis-settur pubbliku.
Indika kif f’Malta hawn 4 koperattivi fis-settur pubbliku u li permezz taċ-ċirkolari l-ġdida, koperattiva tista’ titwaqqaf b’ħames membri flok b’sebgħa.
Ma’ ONE NEWS, Louis Zammit li jokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-koperattiva KOPTASIN li kienet minn tal-ewwel li twaqqfu f’Malta lura fl-1996 u spjega l-benefiċċji li ġġib magħha sħubija ta’ din ix-xorta.
Iċ-ċirkolari l-ġdida ser tipprovdi terminu ta’ xahar li fih is-Segretarju Permanenti ser ikun qiegħed jevalwa l-Koperattiva. Fin-nuqqas ta’ risposta, it-talba ser titqies bħala waħda approvata b’mod awtomatiku. Apparti minn hekk, l-operat u l-andament tal-koperattiva ser ikunu suġġett għal skrutinju kemm mis-Segretarju Permanenti innifsu kif ukoll mill-awditjar intern.