Illum huwa jum il-konverżjoni ta’ San Pawl. F’pajjiżna r-rabta ma’ dan il-qaddis hija kbira tant li nattribwixxu l-fidi tagħna lill-miġja tiegħu f’Malta fis-sena 60 wara Kristu.
Minħabba li din is-sena l-karnival se jaħbat bejn l-10 u t-13 ta’ Frar, il-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl f’pajjiżna se tkun iċċelebrata nhar is-sibt li ġej 27 ta’ jannar.
Postijiet f’Malta marbuta ma’ San Pawl b’xi mod jew ieħor huma dawn:
Il-Gżejjer ta’ San Pawl li jinsabu f’ San Pawl il-Baħar; x’aktarx insibuhom qrib il-post fejn ġara n-Nawfraġju.
Il-Ponta ta’ Tassu: ilsien ta’ art qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl; il-kelma Tassu x’aktarx hija korruzzjoni tal-kelma Tarsu, il-belt fejn twieled Sawlu; l-isem propja ta’ San Pawl.
Għajn Rażul: ‘Rażul’ tfisser ‘appostlu’. Hawnhekk insibu nixxiegħa minn fejn il-leġġenda tgħidilna kif Pawlu ħareġ l-ilma mill-blat biex għammed lill-ewwel Insara Maltin.
San Pawl Milqgħi: hawnhekk jingħad li San Pawl ġie milqugħ mill-Ħakem Ruman Publiju. Publiju kellu l-artijiet f’dan il-post. Publiju nħatar l-ewwel Isqof minn San Pawl. Hawn inbniet knisja.
Knisja fil-Wied ta’ Birkirkara fejn jingħad li San Pawl ippriedka.
In-Naxxar: it-tradizzjoni tgħidilna kif dan ir-raħal ħa ismu mill-verb ‘naxar’. Jingħad li dawk li ħelsu mill-għarqa naxrulhom il-ħwejjeġ hawn. Oħrajn jgħidu li l-isem ġej mill-kelma ‘Nassar’ li mbagħad saret ‘Insara’. Din tal-aħħar tagħmel iżjed sens għax li naxru l-ħwejjeġ tista’ tkun leġġenda.
San Pawl tat-Tarġa: skond il-leġġenda dan huwa l-post minn fejn jingħad li San Pawl ippriedka u nstema’ mix-Xewkija Għawdex. Hawn tqiegħdet statwa ta’ San Pawl fuq kolonna.
Il-Knisja tal-Ħuġġieġa: knisja f’San Pawl il-Baħar li tfakkar il-ħuġġieġa li l-Maltin qabbdu lil dawk meħlusa mill-għarqa.
Il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat: jingħad li hawnhekk San Pawl għex, ippriedka u talab fit-tliet xhur li dam Malta . L-istatwa li naraw ġiet irregalata mill-Granmastru Pinto.
Il-Katidral ta’ l-Imdina: iddedikat lil San Pawl; it-tradizzjoni tgħidilna li dan il-Katidral inbena fuq il-post fejn kien hemm il-palazz tal-Prinċep Publiju.
Valletta: fejn tiġi ċċelebrata festa kbira fil-parroċċa ta’ San Pawl fl-10 ta’ Frar.
Safi: fejn tiġi ċċelebrata festa fil-parroċċa fl-aġġar ħadd t’Awwissu.
Parroċċi Għawdxin: Marsalforn, il-Munxar u n-Nadur insibu knejjes iddedikati lil San Pawl.
Ritratt: San Pawl tat-Tarġa fin-Naxxar fejn jingħad li meta ppriedka fuq it-taraġ, San Pawl, instema’ minn Għawdex.