Il-President tal-Parlament Ewropew u Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, sabet ruħha fiċ-ċentru tal-presepju għar-raġuni żbaljata, wara l-indħil kontroversjali tagħha li kkontribwixxa għall-massakru li għadu qed iseħħ fil-Lvant Nofsani fil-kkonflitt ta’ Gaza.
Presepju armat f’San Ġwann, minbarra li juri x-xena tan-Nattività taħt il-bombi tal-militar Iżraeljan li herrew il-ħajja f’Gaza, refa’ rokna anke għal Metsola u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
It-tnejn flimkien kienu żaru Iżrael minn jeddhom u bla approvazzjoni tal-istess istituzzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw u taw il-barka tagħhom għar-ritaljazzjoni Iżraeljana kontra l-attakk terroristiku tal-Hamas fis-7 t’Ottubru li għadda.
Dan l-avveniment kien ġie kkritikat bl-aħrax mill-komunità internazzjonali bħala li ta l-barka għall-atroċitajiet li kellhom iseħħu wara u kemm Metsola u anke Von der Leyen ġew akkużati li għandhom id-demm tal-innoċenti fuq idejhom.
Fil-fatt ftit wara ż-żjara tagħhom, Gaza spiċċa taħt xita ta’ bombi mill-Gvern li wasslu għall-qtil ta’ aktar minn 20,000 ta’ Palestinjani, fil-maġġoranza innoċenti, inklużi nisa u tfal.
Għal dan, Metsola wkoll spiċċat tiffaċċja baraxx ta’ kritika għas-sapport tagħha lejn Iżrael. Hi ġiet akkużata, kemm fi protesti f’Malta, bħal dik li sabet tistenniha fl-MCAST u spiċċat taħrab mill-ġurnalisti, u anke barra minn xtutna, fosthom barra l-binja tal-Parlament Ewropew.