Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, kellu laqgħa mad-disa’ membri żgħażagħ tal-Youth Advisory Forum, fejn qal li l-kontribut tagħhom f’din il-pjattaforma jista’ jwassal għal riżultati aħjar għal pajjiżna.
Dr Abela qal dan f’kummenti introduttorji matul laqgħa tal-Youth Advisory Forum li l-membri tiegħu ntgħażlu wara sejħa pubblika.
Tmien membri ntgħażlu wara proċess ta’ għażla, waqt li r-rappreżentanta tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ġiet nomintata mill-Kunsill stess.
B’hekk id-disa’ membri ta’ dan l-ewwel Youth Advisory Forum se jkunu qed iservu għal total ta’ tmintax-il xahar bil-għan li jagħtu l-ideat tagħhom dwar temi ta’ importanza nazzjonali u mhux biss dak li jolqot liż-żgħażagħ.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna hu l-post li fih jistgħu jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Saħaq li din il-pjattaforma ġdida hija propju l-għodda li se tkun qed tara li dan verament jitwettaq.
Dr Abela tenna li l-aspirazzjonijiet huma komuni; fejn iż-żgħażagħ iridu li jkollhom impjiegi tajbin, li jgħixu f’pajjiż sabiħ u nadif. Dan filwaqt li jkun sigur u anki jkollu ambjent sabiħ.
Qal ukoll li ż-żgħażagħ jridu pajjiż fil-paċi mal-pajjiżi ġirien tiegħu u fir-reġjun ta’ madwarna u madwar il-kumplament tad-dinja.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ħidmet il-Gvern f’din is-sena l-ġdida u ta elenku ta’ proġetti u inizjattivi li tlestew u li diġà qed igawdi minnhom il-poplu.
Hawnhekk irrefera għall-investiment fl-Iskola Primarja tan-Nadur, is-sejħa li ħarġet għal xogħol ta’ mmodernizzar fuq is-sub-station tal-elettriku ħdejn l-Isptar Mater Dei u sub-stations oħra għat-tisħiħ tad-distribuzzjoni tad-dawl.
Semma’ kif bdew jitqassmu ż-żidiet fil-pensjonijiet u ż-żieda fil-Carers’ Grant għal dawk l-anzjani li jkollhom carer magħhom id-dar.
Fil-qasam ambjentali, il-Prim Ministru rrefera għall-aqwa riżultati li qatt akkwistat il-Wasteserv fir-riċiklaġġ, fejn il-pajjiż kellu tnaqqis sostanzjali fl-iskart mhux isseparat fil-borża s-sewda u żieda fenomenali fl-iskart organiku sseparat.
Dan filwaqt li f’dik li hija immigrazzjoni rregolari, is-sena l-oħra, Malta rrilokat u rritornat immigranti rregolari aktar minn kemm kien hemm wasliet matul is-sena li għaddiet.
Il-laqgħa kompliet b’diskussjoni mal-membri tal-Forum dwar temi li ressqu ’l quddiem huma nfushom.