Il-kontijiet tal-enerġija, li jħallsu l-familji Maltin u Għawdxin, huma t-tieni l-irħas kontijiet mis-sebgħa u għoxrin Stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ skont studju minn esperti fil-qasam tal-enerġija minn diversi pajjiżi Ewropej, bl-isem ta’ ‘Household Energy Price Index for Europe’, li ġie ppubblikat dan ix-xahar u juri s-sitwazzjoni tal-kontijiet enerġija fix-xahar ta’ Lulju.
L-istudju juri kif il-kontijiet tad-dawl f’pajjiżna għandhom rata ta’ €12.32 għal kull kilo Watt fis-siegħa.
Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna hija inqas sew mir-rata medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dan hekk kif ir-rata hawnhekk hija ta’ €28.45 għal kull kilo Watt fis-siegħa.
B’hekk il-familji Ewropej iħallsu iżjed mid-doppju ta’ dak li jħallsu l-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif il-familji Ewropew iħallsu iżjed minn €16 għal kull kilo Watt fis-siegħa fil-kontijiet tal-enerġija tagħhom.
L-uniku Stat membru tal-Unjoni Ewropea li għandu kontijiet tad-dawl irħas minn dak ta’ Malta, huwa l-Ungerija.
Pajjiżi oħra li għandhom fost l-irħas kontijiet, iżda ogħla mill-kontijiet tad-dawl tal-familji Maltin, huma l-Kroazja, il-Bulgarija u r-Rumanija.
Dan filwaqt li l-ogħla kontijiet tad-dawl fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea huma d-Danimarka, l-Italja, l-Olanda, ir-Repubblika Ċeka u l-Belġju.
Minn dan l-istudju ħareġ ukoll kif il-kontijiet tad-dawl fir-Renju Unit huma l-ogħla fil-kontinent Ewropew.
Dan hekk kif ir-rata f’dan il-pajjiż hija ta’ €63.05 għal kull kilo Watt fis-siegħa.
Riċentament, fir-Renju Unit ħareġ kif f’Ottubru, il-familji Brittaniċi se jkollhom iħallsu aktar minn €4,200 f’sena.
Barra minn hekk, din mistennija jogħla hekk kif f’Jannar, fl-eqqel tax-xitwa, il-kontijiet tad-dawl fir-Renju Unit mistennija jilħqu kważi sitt elef ewro.
Analisti finanzjarji qed jinnutaw kif dan se jwassal biex aktar nies fir-Renju Unit se jaqgħu taħt dak imsejjaħ bħala ‘energy poverty’. Dan jiġri meta persuni jkollhom iħallsu aktar minn għaxra fil-mija tal-paga tagħhom għall-kontijiet tal-enerġija.
Din is-sitwazzjoni, li qed tiġri kawża tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna hekk kif ir-Russja qed taqta’ l-provvista tal-gass fl-Ewropa, se twassal biex il-familji fix-xitwa se jagħżlu li jsaħħnu djarhom jew inkella jixtru affarijiet bażiċi bħall-ikel.
Dan l-istess rapport osserva wkoll li matul ix-xahar li għadda, fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kien hemm żieda fil-kontijiet tal-enerġija tal-familji Ewropej.
Fost dawn kien hemm il-Litwanja, fejn kien hemm żieda ta’ 44 fil-mija; l-Olanda, fejn kien hemm żieda ta’ 37 fil-mija u l-Bulgarija, fejn kien hemm żieda ta’ 24 fil-mija, fost oħrajn.
Is-sitwazzjoni hija differenti f’Malta, hekk kif hija waħda minn ftit pajjiżi, fejn ma kien hemm l-ebda żieda fil-kontijiet tad-dawl, f’dan ix-xahar imsemmi.
Dan grazzi għall-Gvern Malti li qed jilqa’ għall-piż taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwils. Skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, il-Gvern investa aktar minn €30 miljun f’miżuri ta’ sostenn fil-qasam tal-enerġija u aktar minn €7 miljun sabiex iżomm il-prezz tal-fjuwil stabbli.