Il-familji Maltin u Għawdxin qed iħallsu fost l-irħas kontijiet tad-dawl, fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, li ġiet irrappurtata mis-sit TheJournal.mt.
L-istatistika turi kif fit-tieni nofs tas-sena l-oħra, il-familji u n-negozji Maltin kellhom ir-raba’ l-orħos kontijiet tad-dawl fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u t-tieni l-irħas kontijiet fiż-żona Ewro.
Meta mqabbla mal-medja Ewropea, il-kontijiet tad-dawl f’Malta huma żewġ terzi inqas mill-kontijiet tad-dawl tal-familji Ewropej.
Meta tqabbel familja Maltija ma’ dik Ġermaniża, din tal-aħħar tħallas darbtejn u nofs iktar mill-familji Maltin.
Dan l-istħarriġ wera wkoll kif hemm pajjiżi Ewropej li raw żieda fil-kontijiet tad-dawl matul il-pandemija, bħal-Lussemburgu u l-Polonja, fejn il-familji u n-negozji kellhom żieda ta’ għaxra fil-mija, filwaqt li fl-Islovakkja kien hemm żieda ta’ disgħa fil-mija.
Min-naħa l-oħra, waqt pandemija, il-kontijiet tal-familji Maltin u Għawdxin baqgħu stabbli, b’kuntrarju għall-kriżi ekonomika tal-elfejn u disgħa, meta kien hemm żieda ta’ tnejn u sebgħin fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Bejn l-2013 u l-2020, il-kontijiet madwar l-Unjoni Ewropea żdiedu b’5%, filwaqt li fl-istess perjodu f’Malta naqsu bi 22%.