Il-kontenut ta’ dak imxandar f’Net News illejla huwa għalkollox gidba.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li diskors jew messaġġi li seta’ kien hemm tbagħbis fil-lista tal-votanti huma għalkollox bla bażi u inveritieri u fihom infushom mhuma l-ebda prova ta’ tali prattiċi.
Fil-fatt, l-allegazzjonijiet foloz irrapportati llejla huma ripetizzjoni ta’ dak ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa f’gazzetta ta’ kuljum u li diġà ġie miċħud bl-iktar qawwa mill-Kummissjoni Elettorali wara li l-ilment ġie investigat b’mod immedjat u mxejjen għal kollox.
Il-proċess elettorali li qed tmexxi l-Kummissjoni tal-Partit Laburista huwa wieħed b’saħħtu b’livelli diversi ta’ checks and balances u qed jitmexxa b’laqgħat regolari mar-rappreżentanti tal-kandidati, bil-proċess jitmexxa b’koperazzjoni massima u fiduċja reċiproka.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista tista’ tassigura li l-proċess huwa wieħed ġust u diliġenti u li kollox qed issir skont l-istatut tal-partit u r-regoli maqbula mal-partijiet kollha konċernati.
Mhu veru xejn anqas li kien hemm xi ħadd li ħa l-uffiċċju tal-Prim Ministru tant li sal-bieraħ stess il-Prim Ministru kien fl-uffiċċju tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.