Il-konsum u t-turiżmu kienu fost ir-raġunijiet ewlenin wara r-riżultat pożittiv li kisbet Malta mill-Kummissjoni Ewropea b’rabta mat-tbassir għat-tkabbir ekonomiku għal din is-sena.
L-ekonomista u l-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Professur Philip Von Brockdorff spjega li l-inċentivi mnedija mill-Gvern Malti għall-irkupru ekonomiku kienu strumentali.
Von Brockdorff għamel referenza wkoll għan-numri inkoraġġanti li qed jara pajjiżna fis-settur turistiku: “Din is-sena t-tkabbir mistenni 5.6% termini reali, is-sena d-dieħla t-tkabbir hu mistenni 5.8% jiġifieri san-nofs tas-sena d-dieħla nkunu rkuprajna dak li tlifna prattikament minħabba l-pandemija. Jiġifieri dak huwa sinjal pożittiv. Dan huwa dovut għal diversi fatturi fosthom iż-żieda fil-konsum u naturalment hemmhekk għenu miżuri wkoll tal-Gvern biex jinċentiva l-konsum fosthom il-vouchers eċċ però naraw ukoll irkupru mil-lat tat-turiżmu li hu importanti ħafna ovvjament għall-ekonomija tagħna.”
Mistoqsi dwar l-effetti tal-grey listing fuq it-tkabbir ekonomiku fid-dawl ta’ dan iċ-ċertifikat mill-Kummissjoni Ewropea, il-Professur qal hekk.
Prof. Von Brockdorff sostna: “L-effett tal-grey listing ikun limitat. Dan huwa miktub fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li d-downside risk iġifieri r-riskju dovut minħabba l-grey list huwa limitat jiġifieri mhux se jkollu daqshekk effett fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna allura dak huwa wkoll importanti u ovvjament importanti li nindirizzaw nuqqasijiet li ġew elenkati mill-FATF imma l-effett huwa limitat.”
Il-Kummissjoni rrevediet bosta pajjiżi Ewropej iżda t-tbassir ekonomiku għal Malta jiżboq dak taż-żona ewro. Von Brockdorff attribriwixxa dan għall-fatt li l-ekonomija Maltija kienet diġà għaddejja b’ritmu mgħaġġel qabel il-pandemija.
Huwa saħaq: “Kellna l-effetti negattivi tal-pandemija però l-ekonomija b’mod sostanzjali baqgħet għaddejja b’ritmu sostanzjali. Ovvjament mhux l-istess ritmu li kellna qabel però huwa fatt allura li jekk il-bażi tkun soda, ikun iktar faċli li tirkupra qabel u allura din hija r-raġuni għaliex ovvjament il-każ ta’ Malta, ir-reviżjonijiet huma aktar pożittivi milli kienu qabel.”
Minkejja dan il-Professur temm jgħidilna li t-tkabbir ekonomiku jiddependi wkoll fuq pajjiżi oħra speċjalment stati membri tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant huwa importanti li l-irkupru jkun wieħed kordinat biex Malta tibqa’ tibbenefika indirettament.