“Jien ilni involut fl-ambjent mill-2009, konsultazzjonijiet dejjem fake kienu jkunu.”
Kien b’dan il-mod li l-ambjentalist Ingram Bondin iddeskriva l-konsultazzjonijiet ta’ żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan waqt diskussjoni dwar il-qasam ambjentali fil-programm Awla mxandar fuq ONE.
Meta kien mistoqsi: “Int isejjaħ ruħek ambjentalist. Illum fl-2021 għandek iktar leħen, il-Gvern u l-Ministeru qegħdin jisimgħuk?”
Ingram Bondin stqarr: “Illum eħe jien inħoss li kif kienet is-sitwazzjoni qabel, l-ambjent ma kienx jingħata prijorità. Jien ilni nvolut fl-ambjent mill-2009, konsultazzjonijiet dejjem fake kienu jkunu. Issa hemm sforz aktar inħoss biex jiġu indirizzati l-affarijiet.”
Tul il-programm li fih tkellmu diversi persuni awtorevoli fil-qasam ambjentali, spikkaw ukoll reazzjonijiet pożittivi favur il-Budget li ħabbar il-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu.
Il-President ta’ ‘The Rambler’s Association’ faħħar l-inċentivi li jindirizzaw il-bidla minn karozzi li jniġġsu għal dawk aktar ħbieb tal-ambjent: “Fil-Budget saru ħafna affarijiet ta’ scrapping, ta’ inċentivi biex jinxtraw vehicles tal-elettriku, investiment fl-infrastruttura li għandek bżonn biex toperahom il-vetturi tal-elettriku jiġifieri l-inċentivi dejjem huma importanti biex timbotta lin-nies jadottaw dak li tixtieq.”
Tul il-programm ipparteċipa wkoll l-editur tal-gazzetta indipendenti l-Illum.
Dan ukoll kellu kliem ta’ tifħir għall-Budget: “Jekk inħarsu lejn il-Budget, naħseb li l-Budget kellu numru ta’ inċentivi u inizjattivi pożittivi.”
Intant l-imprenditur ambjentali Oliver Brownrigg filwaqt li faħħar l-inċentivi tal-Gvern, tenna li l-bidla ambjentali ma tistax issir mill-Gvern biss iżda wkoll minn kull wieħed u waħda minnha.
Huwa stqarr “Ma nistgħux nistennew dejjem lill-Gvern li hu jaqbadna u jgħidilna morru ’l hemm u morru ‘l hawn. Nemmen li llum hawn negozjanti u nies madwar il-panel u hemm barra li żgur huma kapaċi li jaraw bżonnijiet u tibdil fit-tul. Jiġifieri li l-Gvern jinċentiva tajjeb ħafna.”