Il-konsorzju MIDI ssottometta l-applikazzjoni għall-iżvilupp ta’ Manoel Island, wara l-approvazzjoni tal-masterplan il-ġdid li warrab il-ħsieb ta’ reklamazzjoni ta’ art.
Fi stqarrija, intqal li l-binjiet il-ġodda se jokkupaw inqas minn għaxra fil-mija taż-żona tal-konċessjoni li ngħatat. Issa l-iżvilupp se jikkonsisti fi tliet żoni residenzjali li se jkollhom 323 residenza, tnaqqis ta’ 176 mill-pjan oriġinali.
Dawn iż-żoni se jibqgħu fin-naħa t’isfel tal-gżira u fil-parti ċentrali, kif kien stabbilit fil-ħruġ tal-ewwel permess.
Il-konsorzju qal ukoll li l-binjiet għandhom l-għan li jilħqu bilanċ aħjar bejn iż-żoni mibnija u l-ispazji miftuħa, fejn fid-daħla tal-gżira se jkun hemm ġnien ta’ madwar għaxart elef metru kwadru.
Il-proġett jinkludi wkoll ir-restawr tal-binja ta’ Lażżarett, filwaqt li se tiġi rijabilitata binja oħra li tinsab qrib il-Kappella ta’ San Ġorġ. Il-proġett se jiswa aktar minn erbgħin miljun ewro.