Aldo Cutajar ta’ 56 sena, u martu Isabel Cutajar ta’ 52 sena min-Naxxar, inżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus.
Aldo Cutajar, li serva bħala konslu ġenerali f’Shanghai, kien mixli wkoll li bħala uffiċjal pubbliku, naqas mid-dmir tal-kariga tiegħu li jwaqqaf u jissorvelja dan ir-reat.
Il-koppja, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom li fost oħrajn jinkludu li akkwistaw u li kkonvertew jew trasferixxew propjetà li oriġinat minn xi attività kriminali.
Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Lianne Bonello rrakkontat kif il-Pulizija rċivew informazzjoni kunfidenzjali dwar dan il-każ li permezz tiegħu skattat investigazzjoni sħiħa.
Hi qalet kif minn din ir-riċerka rriżulta li kien hemm transazzjonijiet bankarji li jammontaw għal miljuni ta’ ewro. L-ispettur Bonello stqarret kif mill-investigazzjonijiet rriżulta li allegatament il-koppja kellhom kumpanija bbażata f’Ċipru li nfetħet minħabba raġunijiet ta’ taxxa.
Fil-Qorti kompliet tispjega li fi tfittxija fil-propjetà tal-koppja nstabu numru kbir ta’ oġġetti lussużi fost oħrajn instabu nofs miljun ewro fi flus kontanti, arloġġi tar-Rolex, xorb li jiswa’ l-flus kif ukoll diversi kollezzjonijiet.
L-avukat tad-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn insistiet li l-informazzjoni kollha tinsab għand il-pulizija iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat fuq kwistjoni ta’ intraġġ ta’ provi hekk kif jidher li l-koppja kellha kont bankarju wkoll f’Dubai.
Id-Difiża stqarret li l-pulizija tista’ tissorvelja dan il-kont għat-transazzjoni li jista’ jseħħu iżda l-prosekuzzjoni saħqet li b’mod kategoriku ma tixtieqx li dan il-kont jintmess anki minħabba l-fatt li allegatament il-kont fih ‘il fuq minn tlett mitt elf dollaru fih.
Il-Qorti ppresedutha mill-Maġistrat Josette Demicoli ħarġet ordni għall-iffriżar tal-assi filwaqt li ssekwestrat u pprojbixxiet lill-imputati milli jiddisponu mill-propjetà.
Il-Maġistrat Demicoli ċaħdet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Aldo Cutajar huwa ħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, li fi stqarrija ddikjara li m’għandu l-ebda rabta mal-każ ta’ ħuh Aldo.
Huwa stqarr li immedjatament għamel lilu nnifsu disponibbli lill-Pulizija jekk tħoss li għandha tistaqsi dwar materja finanzjarja li tikkonċerna lilu iżda sostna li s’issa ma kienx mistoqsi jew involut dwar l-allegazzjonijiet jew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront ta’ ħuh.
Hu stqarr li dan il-każ huwa xhud li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jaħdmu u qal li bħal kull każ ieħor jemmen li l-Pulizija u l-qrati se jagħmlu xogħolhom b’reqqa.
Huwa temm jgħid li ta struzzjonijiet biex jiskattaw proċeduri għall-passi dixxiplinarji skont il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u mingħajr ebda involviment min-naħa tiegħu.