Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru Robert Abela laqgħu lill-Korp tal-Konsli Onorarji f’attività annwali tal-bdil tal-awguri għas-sena l-ġdida fil-Palazz tal-Granmastru u f’Kastilja rispettivament.
Separatament it-tnejn fakkru kif, is-sena li għaddiet, tfakkru diversi mumenti storiċi għal pajjiżna li wassluna fejn aħna llum, fosthom is-sittin sena mill-Indipendenza, ħamsin sena mir-Repubblika, il-ħamsa u erbgħin sena mill-Ħelsien u għoxrin sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Irrimarkaw li, hekk kif l-ekonomija baqgħet tikber, kumpaniji u negozji Maltin komplew ikabbru l-operat tagħhom u anke jfittxu swieq barra minn xtutna, waqt li daħlu għal investimenti f’oqsma innovattivi.
Tennew kif dan hu ċertifikat b’saħħtu għall-kompetittività ta’ Malta bħala destinazzjoni għall-investiment dirett barrani.
Saħqu wkoll fuq l-iżvilupp kontinwu fis-settur tat-turiżmu, li jibqa’ jagħti kontribut qawwi lill-ekonomija u, għal sena oħra, intlaħaq rekord ta’ turisti li għażlu lil Malta għall-btajjel tagħhom.
Ittrattaw l-isfidi ġodda li għandna, fosthom il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dinja tax-xogħol.
Dwar l-aggressjonijiet militari, fakkru kif id-diplomazija għandha tkun l-għodda biex jitrattbu l-irjus u l-qlub iebsa, waqt jitrażżnu l-konflitti u titnissel l-għaqda.
Issemma wkoll kif Malta tat sehemha biex turi li kull pajjiż kapaċi jkun effettiv fil-fora internazzjonali u multilaterali, bil-Prim Ministru jfakkar kif, f’Mejju li ġej, Malta se tieħu f’idejha r-riedni tal-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu.
Id-Dekan tal-Korp tal-Konsli Onorarji akkreditati għal Malta, Joseph Buhagiar, qal li f’Malta hawn irreġistrati diversi ħaddiema barranin li qal li, mingħajrhom, Malta ma kinitx tikseb is-suċċess ekonomiku li qed tgawdi minnu llum, fejn qal li dawn il-ħaddiema u barranin oħra li jgħixu Malta jkollhom bżonn l-appoġġ tal-istess konsli.