Hekk kif fl-Eġittu qiegħda titlaqqa’ l-erbatax-il sessjoni internazzjonali tal-Konferenza tal-Partijiet, il- Conference of the Parties (COP), tal-konvenzjoni internazzjonali dwar il-bijodiversità bit-tema “Investing in biodiversity for people and planet”, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera indirizza żewġ sessjonijiet relatati mal-impatt li għandhom l-industriji fuq l-ambjent u l-bijodiversità kif ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar promozzjoni sabiex tinkiseb sinerġija aħjar bejn is-saħħa tagħna u l-politika ambjentali.
Il-Ministru Herrera saħaq illi hekk kif l-ekonomija Maltija ser tkompli tikber b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi, waħda mill-isfidi ewlenin li timpatta b’mod dirett il-bijodiversità hija propju l-użu tal-art. Il-Ministru tenna illi peress li Malta hija gżira żgħira ifisser li d-delineazzjoni bejn iż-żoni urbani u dawk rurali hija waħda partikolari u għalhekk hemm il-bżonn li jitkomplu jissaħħu l-awtoritajiet ambjentali ta’ pajjiżna sabiex tingħata protezzjoni mistħoqqa lil kapital naturali ta’ pajjiżna.
“Il-bdiewa tagħna għandhom rwol ewlieni fil-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-kontribut tagħhom għas-soċjetà huwa importanti ferm għalhiex filwaqt li dawn jippreservaw il-karatteristiċi tradizzjonali taż-żoni rurali, dawn jikkonservaw ukoll ir-riżorsi naturali tagħna bħal ħamrija, li hija riżorsa importanti ħafna,” saħaq il-Ministru Herrera, filwaqt li semma kif ġew allokati fondi sabiex jitwaqqaf l-ewwel bank ġenetiku f’Malta bl-idea illi jiġu preservati flora u fawna indiġeni għal pajjiżna.
Speċifikament dwar is-settur tal-manifattura, il-Ministru Herrera saħaq dwar l-importanza li jkun hemm fis-seħħ proċessi rigorużi fejn jidħol ħruġ ta’ permessi ambjentali. Semma kif fil-każ tas-settur tal-farmaċewtika l-obbligazzjonijiet legali jinkludu l-aspetti tal-bijodiversità tant li dan japplika għaż-żewġ każijiet. Kemm fejn il-flora u l-fawna qed jintużaw fi proċessi integrali kif ukoll f’każijiet oħrajn fejn l-emissjonijiet jista’ jkollhom effett fuq il-bijodiversità.
Intant hekk kif kien qed jindirizza sessjoni oħra waqt l-istess konferenza, b’mod partikolari dwar ir-relazzjoni bejn il-bijodiversità u s-saħħa tagħna, il-Ministru Herrera tenna li l-Gvern huwa kommess li jkompli jindirizza dawn l-oqsma, inkluż il-kwalità tal-arja, ilma tax-xorb sikur, sanità, iġjene u immaniġġjar effettiv tal-iskart biex jitnaqqsu l-impatti negattivi għas-saħħa fuq iċ-ċittadini tagħna.
Il-Ministru Herrera semma numru ta’ inizjattivi li qiegħdin jittieħdu f’dan l-aspett inkluż l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jassiguraw il-ġbir adegwat ta’ skart perikoluż, partikolarment mediċini skaduti, l-introduzzjoni tal-ġbir tal-iskart organiku b’mod separat mal-pajjiż kollu, kif ukoll miżuri ġodda relatati ma’ infrastruttura aktar ekoloġika.
Il-Ministru għalaq l-intervent tiegħu billi tenna li rridu nirrikonoxxu li l-iżvilupp teknoloġiku u r-riċerka fetħu opportunitajiet ġodda biex jikkumbattu t-telf tal-bijodiversità u l-implikazzjonijiet għas-saħħa tagħna.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħa sehem ukoll f’attività simbolika u kommemorattiva fejn għal kull pajjiż parteċipanti tħawlet siġra taż-żebbuġ fil-Ġnien Botaniku tal-Paċi ġewwa Sharm El Sheik. Hawnhekk il-Ministru Herrera flimkien mal-Ministru Eġizzjana għall-Ambjent ħawwel siġra taż-żebbuġ f’isem Malta.
Ritratti – MESDC