Il-Ġermaniżi l-Ħadd ħarġu jivvutaw bi ħġarhom, hekk kif 83% tefgħu l-vot tagħhom, l-akbar ammont minn mindu seħħet ir-rijunifikazzjoni tal-pajjiż fl-1990.
Iżda hekk kif ir-riżultati kmieni t-Tnejn filgħodu urew li l-partiti konservattivi ġabu l-akbar ammont ta’ voti, il-formazzjoni ta’ gvern jidher li se tkun waħda kkumplikata bil-parti tal-lemin estrem Alternative für Deautschland, AFD, ikollu suċċess bit-tieni l-akbar ammont ta’ voti favur tiegħu.
Il-mexxej tas-CDU/CSU Friedrich Merz, u potenzjalment il-Kanċillier il-ġdid tal-Ġermanja, issa jrid jibda jipprepara sabiex jifforma koalizzjoni li tista’ tkun waħda diffiċli minħabba d-differenzi kbar li jeżistu fil-politika mħaddna mill-AFD. Filfatt il-mexxej tagħhom Alice Weidel qalet li qed tantiċipa li l-Ġermanja terġa tmur għall-elezzjonijiet ferm qabel l-erba’ snin ta’ dan il-mandat.
Il-gvern il-ġdid se jkun qed jiret ekonomija li marret lura ferm f’dawn l-aħħar sentejn, għoli tal-ħajja u talbiet sabiex radikalment jiġu mibdula l-liġijiet tal-immigrazzjoni u l-ażil.